Id-devozzjoni lejn San Pawl f’Malta u f’Ħaż-Żabbar


Kwadru ta' San Pawl li nsibu fis-Santwarju Arċipretali.

Il-festa ta’ San Pawl niċċelebrawha nhar l-10 ta’ Frar ta’ kull sena. Ftit qabel, jiġiferi fil-25 ta’ Jannar, niċċelebraw il-konverżjoni tiegħu. Sawlu, hekk kif kien magħruf fil-bidu, kien jaħqar lill-insara, imma mbagħad ra d-dawl u bidel ħajtu, u b’hekk minn persekutur spiċċa jippriedka, jgħammed u jfejjaq. Fuq San Pawl hemm ħafna x’jingħad u dak mhux l-għan tiegħi, peress li ġejt mitlub biex inkun konċiż f’kitbieti.


Din il-ġrajja għandha importanza kbira fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa l-jum tal-Magħmudija ta’ Malta, għax hemmhekk missirijietna saru nsara, għalkemm illum studji ġodda qed ixejnu din it-teorija, imma mhux l-għan tiegħi li nidħol f’dad-dibattitu jekk pajjiżna kienx għadu fost l-oħrajn Musulman. Din teħtieġ kitba oħra għaliha, iżda mhux l-għan ta’ dil-kitba u għalhekk se nkompli nitkellem fuq dak li tgħid it-tradizzjoni.



Pittura li tinsab fil-Mużew tas-Santwarju

Il-miġja ta’ Pawlu fostna tul dawk it-tliet xhur li dam hawn, għenet biex San Pawl xandar it-twemmin nisrani. Kemm ix-xandir tal-kelma kif ukoll il-mirakli li għamel, kellhom effett kbir fuq din il-ġżira ċkejkna u l-poplu li jgħix fiha, tant li aċċetta d-don tal-fidi li, minn dakinhar sal-lum (għalkemm b’riżervi) baqgħet tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Id-devozzjoni lejn San Pawl tinsab imxerrda f’pajjiżna f’bosta postijiet, f’numru ta’ niċeċ, knejjes u kappelli kif ukoll pitturi u ismijiet marbuta miegħu. L-istess f’Ħaż-Żabbar. Hawn se nsemmi xi eżempji biex nuri din ir-rabta.


Fil-Mużew tas-Santwarju nsibu l-kwadru tan-Nawfraġju ta' San Pawl, xogħol tmiem is-seklu 17. Dan il-kwadru li kien jinsab fis-Santwarju, tneħħa meta saret in-niċċa tal-vara titular tal-Madonna tal-Grazzja u d-dekorazzjoni madwarha. Dan il-kwadru t’artist mhux magħruf, ġie rrestawrat minn Charlotte Camilleri fl-2012. Fis-Santwarju Arċipretali nsibu kwadru ċkejken ta' San Pawl li għandu bżonn restawr urġenti. Ħasra li l-pittura ma nafux min għamilha. Insibu wkoll statwa ta’ San Pawl fil-ġebel, quddiem iz-zuntier tas-Santwarju kif ukoll bandalora wkoll li tirrapreżenta lil San Pawl. Din tintrama fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja mill-Grupp tal-Armar Żabbari fi Triq is-Santwarju.


Statwa ta’ San Pawl fil-ġebel quddiem iz-zuntier tas-Santwarju

Nittama li l-fidi li għadna nħaddnu, nibqgħu ngħożżuha u nħaddmuha fil-prattika f’ħajjitna, filwaqt li ngħaddu l-valuri tal-fidi nisranija lil uliedna.


Ritratti - Mario Micallef, Simon Muscat

Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2020 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@TALGRAZZJABANDASANMIKIEL.COM

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram

OPENING HOURS

 

Monday - Friday 4:00pm - 10:00pm

Saturday - Sunday 8:00am - 01:00pm
Saturday - Sunday 16:00am - 10:00pm