Iż-Żabbarin attivi fil-Karnival?

Dan il-weekend għalkemm fuq skala ferm iżgħar, qed niċċelebraw il-Karnival! Il-Karnival Malti huwa wieħed ikkulurit u artistiku, fejn jesebixxi t-talent tagħna l-Maltin. Ħaż-Żabbar magħruf ħafna għall-Festa u l-briju li jsir waqt il-marċi ferm popolari, imma mhux daqstant għall-briju tal-Karnival. Tkellimna ma' żewġ persuni li huma ferm involuti fil-Karnival u kif din is-sena affetwathom.


Tkellimna l-ewwel ma' Angelle Vella, Żabbarija, fejn qaltilna "Il-Karnival hu parti kbira mill-ħajja tiegħi u tal-familja tiegħi. Il-maġġoranza tas-sena nkunu qegħdin nippreparaw għall-Karnival li jkun imiss. Il-Karnival iħallini nesprimi l-kreattività tiegħi u ngħaqqad l-arti maż-żfin, żewġ passatempi għall-qalbi ħafna."


Angelle spjegatilna kif wara dawn il-ħamest ijiem ta' bluha u ferħ hemm xhur u sigħat twal ta' ħidma, speċjalment fuq id-disinn u l-ħjata tal-kostumi. Angelle flimkien mat-tim tagħha jqattgħu ġimgħat jagħmlu l-provi taż-żfin sabiex iż-żeffiena kollha jitgħallmu ż-żifna u jkunu kunfidenti filwaqt li jallegraw lil dawk preżenti. Bla dubju ta' xejn Angelle spjegat kif il-Karnival jinvolvi ħafna spejjeż finanzjarji sabiex minn sena għal oħra dejjem jgħollu l-livell ta’ kostumi.


Il-pandemija tal-Covid-19 irnexxiela tisfratta wkoll il-programm vast tal-karnival. Meta staqsejna lil Angelle x'inhi l-iktar ħaġa li qed timmissja din is-sena, b'għajnejha miksura qaltilna "Din is-sena hi weġgħa kbira għalina, nimmissja is-sigħat twal il-maħżen li għalkemm fihom is-sagrifiċċju, fihom ħafna gost u sodisfazzjon. Nimmissja s-sensazzjoni unika ta' meta nidħlu fil-pjazza bil-kostumi li nkun immaġinajt u ilni naħseb fihom sena sħiħa. L-aħħar u mhux l-inqas nimmissja liż-żeffiena u l-helpers kollha u l-mumenti sbieħ li nqattgħu flimkien."


Tkellimna wkoll ma' Alvin Livori mill-Grupp Dream Team li ta' kull sena jagħmlu karrijiet mill-isbaħ, b'artistrija li trid seba' għajnejn biex tifli d-dettall kollu! Alvin qalilna li ilu xi għoxrin sena involut fil-Karnival. Beda jagħti daqqa t'id fil-kumpanija tal-karrijiet ta' Coleiro. Kompla jaħdem u jirfina sakemm sitt snin ilu flimkien ma' Chris Micallef fetaħ kumpanija tal-karrijiet għal rasu, bl-isem ta' Dream Team. Minn dak iż-żmien 'l hawn ħadem fuq 6 karrijiet differenti, bi tlett darbiet jikkwalifika fl-ewwel post u t-tlett darbiet oħra jikkwalifika fit-tieni post. Tista' tgħid li kaxkar is-sezzjonijiet kollha. Il-karru favorit tiegħu hu dak ta' sentejn ilu li kien bit-tema ta' Spanja.


Alvin qalilna li jsib ħafna għajnuna, u fil-kumpanija hemm madwar sebgħin voluntier u ħafna minnhom huma Żabbarin! Għandu wkoll grupp ta' żeffiena li jakkumpanjaw il-karru matul l-isfilata u l-ħajjata għall-kostumi wkoll. Qalilna li din is-sena kienet waħda diffiċli. L-ikbar ostaklu huwa l-biża' fuq il-Covid u l-fatt li tittieħed. In-nies u l-voluntiera naqsu ħafna mill-maħżen u l-lat finanzjarju fejn jidħlu sponsors kienet iebsa ħafna. Alvin qalilna "l-iktar ħaġa li nimmissja hija l-ħajja u l-attività fil-maħżen u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-belt."

Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2020 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@TALGRAZZJABANDASANMIKIEL.COM

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram

OPENING HOURS

 

Monday - Friday 4:00pm - 10:00pm

Saturday - Sunday 8:00am - 01:00pm
Saturday - Sunday 16:00am - 10:00pm