L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883    

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, magħrufa bħala “Tal-Bajda” twaqqfet biex tkattar l-arti u l-kultura mużikali ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-kulur uffiċjali tal-Għaqda huwa l-kulur aħdar u l-Patruna tal-Għaqda hija l-Patruna ta’ Ħaż-Żabbar – il-Madonna tal-Grazzja, fejn tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja li tiġi ċċelebrata l-ewwel ħadd fuq il-Vitorja; filwaqt li l-Banda hija mħarsa mill-Arkanġlu San Mikiel wara d-devozzjoni antika li missirijietna minn dejjem kellhom lejn dan l-Arkanġlu Prinċep tas-Sema u l-Għaqda torganizza festa oħra sekondarja f’ġieħ San Mikiel ġimagħtejn wara dik  Titulari.
 

Sa fejn hu magħruf, sa minn snin qabel it-twaqqif uffiċjali ta’ din il-Banda fl-1883 bl-isem ta’ Societa` Filarmonica Del Zabbar,  Mro Carmelo Abela Scolaro kien ġa ġabar xi żgħażagħ propju mill-Misraħ, fejn sal-lum għadu jiddomina s-sede tal-Għaqda, u beda jgħallimhom il-mużika. Dan kien għall-ħabta tal-1870 u dawn kienu mlaqqmin bħala d-“Dilettanti tal-Misraħ”. Iż-żmien għadda u l-Għaqda evolviet maż-żmien, biddlet isimha minn dak oriġinali ddedikat lil Ħaż-Żabbar għal Għaqda Mużikali San Mikiel taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja, għal dak li huwa illum. Biddlet ukoll diversi postijiet minn fejn operat, imma baqgħet dejjem leali lejn il-post fejn il-baned Żabbarin jafu l-oriġini tagħhom – Misraħ is-Sliem. Aktar informazzjoni fuq dan kollu wieħed jista’ jsibu fis-sezzjoni Storja.

L-ewwel funzjoni reliġjuża tas-sena fil-parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, issir f’Ħadd in-Nies. Ħafna nies jaħsbu li din il-funzjoni oriġinat mill-Karnival, minħabba li jaħbat immedjatament warajh, u mhux ftit jaħsbu, għalhekk, illi beda madwar l-1535 meta l-kavallieri introduċew il-Karnival f’Malta.  Fir-realta’ Ħadd in-Nies huwa wisq eqdem mill-Karnival.  Sa minn żmien twil qabel ma ġew il-Kavallieri Malta ta’ kull nhar ta’ Erbgħa għadd kbir ta’ nies minn kull rokna ta’ Malta kienu jżuru s-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar biex iqimu l-Madonna u jitolbuha taqlagħlhom xi grazzja.  Il-konkorrenza tan-nies kienet tiżdied ħafna fl-Erbgħat tar-Randan b’mod speċjali fl-ewwel Erbgħa u ħafna kienu jħallu għal din l-okkażżjoni l-offerti li kienu jagħmlu lis-Santwarju.  Biż-żmien din id-devozzjoni bdiet issir fl-ewwel Ħadd minnflok fl-ewwel Erbgħa u għalhekk dan il-jum ħa l-isem ta “Ħadd in-Nies”.  Meta ġie ntrodott il-Karnival, dawk li kienu jikkommettu xi nuqqasijeit fil-ġranet tal-bluha tal-karnival bdew imorru wkoll iżuru l-Madonna bħala penitenza u tpattija għal dawn in-nuqqasijiet.  Għal xi żmien, Ħadd in-Nies, minn jum ta’ devozzjoni u ta’ penitenza sar jum ta’ xalar u sar karnival ieħor sakemm il-Kappillan Catania fl-1926 irnexxielu jerġa jbiddlu f’jum ta’ devozzjoni bl-introduzzjoni ta’ pellegrinaġġ li fih bdew jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned Żabbarin.  Kienet ukoll saret magħrufa bħala tal-Grazzja ż-Żgħira.  Fl-1980 beda jsir pellegrinaġġ għas-Santwarju miż-żoni parrokkjali, mmexxi mill-Arċisqof.

© 2020 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@TALGRAZZJABANDASANMIKIEL.COM

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram

OPENING HOURS

 

Monday - Friday 4:00pm - 10:00pm

Saturday - Sunday 8:00am - 01:00pm
Saturday - Sunday 16:00am - 10:00pm