Festa tal-Madonna tal-Grazzja 

Dari il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, kienet tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru nhar il-festa liturġika tat-Twelid ta’ Marija, iżda wara l-1565, dan il-jum beda jiġi ċċelebrat biex titfakkar ir-rebħa kbira tal-Maltin fuq it-Torok.  Għalhekk wara l-1565, in-nies bdew jirrikorru f’numri dejjem akbar u l-entużjażmu beda iktar jikber għal din il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja.  Sa minn dawn iż-żmenijiet ir-raġunijiet ma kienux biss dawk reliġjużi imma wkoll ċivili u patrijottiċi.  Fl-1589, il-Gran Mastru u l-membri kollha tal-Ordni bdew jiċċelebraw ir-rebħa fuq it-Torok fl-istess jum, u kien għalhekk li kien ġie deċiż li mill-1589 ‘il quddiem, il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja bdiet tiġi ċċelbrata l-ewwel Ħadd wara t-8 ta’ Settembru.  Minkejja din il-bidla, iż-Żabbarin xorta waħda baqgħu jfakkaru r-rebħa tal-1565 filwaqt li minkejja l-bidla fid-data tal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja il-Maltin baqgħu jattendu bi ħġarhom għal din il-festa.
 

Qabel il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja ikun hemm novena ta’ tħejjija Ii fiha titqaddes il-quddiesa ta’ filgħaxija. Wara l-quddiesa tingħad talba speċjali lill-Madonna u jitkantaw l-Innu u l-Antifona.  Il-funzjoni tintemm bil-Barka Sagramentali.
 

In-novena tintemm b’quddiesa kkonċelebrata fil-għodwa ta’ qabel jum il-festa.  Lejlet il-festa wara nofsinhar tibda l-funzjoni fis-Santwarju bit-Transulazzjoni tar-Relikwa tal-Verġni Mbierka.  Wara t-transulazzjoni jibdew il-Primi Vespri u wara tingħata l-Benedizzjoni.
 

Filgħodu f’jum il-festa, tiġi ċċelebrata quddiesa solenni li matulha, wara l-Vanġelu jkun hemm il-paniġierku li fih jitfaħħaru l-glorji tal-Madonna tal-Grazzji.  Fl-istess waqt ikun għaddej il-Pellegrinaġġ tar-Roti u Muturi.  Dawn jitilqu f’żewġ gruppi separati minn żewġ bnadi differenti, wieħed mir-Rabat u l-ieħor mill-Mosta.  Quddiem nett ikun hemm xbieha kbira tal-Madonna tal-Grazzji li biha jgħaddu minn diversi bliet u irħula Maltin.  Iż-żewġ gruppi jingħaqdu fid-dħul ta’ Ħaż-Żabbar fejn jiġu milqugħha b’applawsi mill-folol fuq il-bankini.  Fl-aħħar jaslu quddiem is-Santwarju fejn jilqagħhom il-Kappillan, fejn wara li jgħid kelmtejn tal-okkażżjoni jagħtihom il-Barka Appostolika li jkun irċeviha permezz tan-Nunzju Appostoliku u fl-aħħar f’isem Marija u binha Gesu’, jagħtihom il-Barka Sagramentali.  L-ewwel darba li sar dan il-pellegrinaġġ kien fih biss muturi nhar l-1 ta’ Settembru 1951 lejlet l-Inkurunazzjoni Solenni tat-Titular. 

Filgħaxija wara li jintemmu s-Sekondi Vespri, toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna matul it-toroq prinċipali tal-parroċċa.  Għal din il-purċissjoni jattendu għadd kbir ta’ nies mhux biss Żabbarin imma tista tgħid li jiġu minn kull rokna ta’ Malta.  Waqt din id-dawra mat-toroq ta’ Ħaż-Żabbar il-vara tkun akkumpanjata minn kant Marjan kif ukoll tingħata merħba u qima xierqa quddiem iż-żewġ każini tal-baned ewlenin Żabbarin.  Il-vara tirritorna lura lejn is-Santwarju għall-ħabta tal-10.30pm fejn jitkanta l-innu popolari tal-Madonna tal-Grazzji.

© 2020 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@TALGRAZZJABANDASANMIKIEL.COM

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram

OPENING HOURS

 

Monday - Friday 4:00pm - 10:00pm

Saturday - Sunday 8:00am - 01:00pm
Saturday - Sunday 16:00am - 10:00pm