Proġetti

Bla dubju li meta ingħata bidu għall-proġett tal-Bar Area tal-każin tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, ħafna wrew entużjażmu u l-qalb ħadranija ġewwa Ħaż-Żabbar ħarġet fil-beraħ bil-volontarjat kollu involut f’ dan il-proġett. Id-differenza fis-sede kienet evidenti. Spazju akbar u isbaħ beda jilqa lis-soċi u l-mistednin hekk kif jidħlu ġewwa l-każin. Infetaħ bieb akbar biex jagħti aċċess lill-bitħa u dan kien ta’ benefiċċju kbir speċjalment fiż-żmien tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja u f’ xi ikliet organizzati mill-Kummissjonijiet u l-barman tal-istess Għaqda. Sar ukoll taraġ biex iservi ta’ entratura għall-basement kbir taħt il-każin. In-niċċa tal-istatwa artistika tal-Arkanġlu San Mikiel tmexxiet għal fuq in-naħa tal-lemin tal-bieb prinċipali. Saret kċina fuq wara tal-bar, mgħammra b’ dak kollu meħtieġ skond il-liġi u għall-kumdita’ ta’ min ikun irid jorganizza xi ikliet. Essenzjali wkoll kien ix-xogħol tal-installazzjoni mill-ġdid tas-sistemi tad-dawl u l-ilma, it-tqegħid tal-madum, il-kisi u t-tibjid. Fl-aħħar nett kien imiss ix-xogħol tal-granit mad-dawra kolla.

Meta tqis li dan kollu sar fi ftit xhur, b’ riżultat eċċellenti, tassew li l-Kumitat Eżekuttiv kellhu raġun iħares ‘il quddiem lejn aktar tiġdid tas-sede tant għal qalb il-Bajdisti. Iżda saret deċiżjoni għaqlija ħafna li peress li t-tieni fażi tal-proġett kienet tirrikjedi ammont ta’ flus, ittieħdet sena ta’ mistrieħ minn kull xogħol u minn infieq ieħor ta’ flus. Sadanittant iżda, kien qed isir l-ippjanar meħtieġ, biex hekk kif joħorġu l-permessi meħtieġa u jkun hemm l-approvazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, jingħata bidu g]at-tieni parti tal-proġett. Inxtraw ukoll sett ta’ mwejjed u siġġijiet biex jikkumplimentaw mat-tiġdid fil-bini. Il-fondi neċessarji inħarġu mill-Kumitat Eżekuttiv u mill-Kummissjonijiet kolla, flimkien ma xi benefatturi oħra.

Bħalissa ingħata bidu għat-tieni parti tal-proġett ta’ tisbieħ tas-sede. Peress li ħarġu l-permessi meħtieġa, twaqqa’ l-bini tal-postijiet maġenb il-każin, li huma propjeta’ ta’ din l-Għaqda, u beda t-tindif tagħhom biex ikunu jistgħu jikkumplimentaw mal-bini eżistenti. Diġa sar xogħol ta’ infurzar tal-bini li kien jinkludi strutturi sħaħ ta’ konkos u ħadid. Qed isiru soqfa bit-travi u konkos, li jinkludi x-xogħol tax-shuttering meħtieġ. Qed jittella’ wkoll bini għat-toilets bid-dawl, l-ilma u s-sistema tad-drenaġġ u ventilazzjoni meħtieġa. Fl-istess waqt għaddej ix-xogħol tal-kisi, dawl u ilma fil-basement tal-każin li hu versatili għal kull bżonn sew ta’ uffiċini u kif ukoll ta’ maħżen. It-tama ta’ kulħadd hi li sas-Sajf li daqt jibda, dan il-bini jkun aċċessibli. Bħalissa għaddejja ħidma kontinwa minn grupp ta’ nies voluntiera, biex jaraw din il-ħolma seħħ, għall-benefiċċju tal-Bajdisti kola ta’ rieda tajba. Permezz ta’ dan l-artiklu, xieraq nirringrazzjaw lil kull min diġa ta sehmu u lil kull min qed jagħti sehmu f’ din it-tieni fażi tal-proġett. Persważ lil l-partitarji numerużi ta’ din l-Għaqda, jibqgħu jafuwulkom għal għomorkom kollu. Ċert illi kieku n-numri ta’ voluntiera jiżdied, tiżdied dejjem aktar il-ħeġġa. Għaldaqstant neżortaw li tagħtu s-sehem tagħkom ukoll biex intom ukoll tħossukom parti minn din l-istorja glorjuża.

Bħal ma wieħed jista’ jimmaġina, dan il-proġett qed jirrikjedi ammont kbir ta’ flus. In-nefqa ta’ organizzazzjoni bħal tagħna hi dejjem ta’ taħbil il-moħħ. Dan għaliex minbarra dawn it-tip ta’ proġetti, wieħed ma jistax ineħħi minn quddiem għajnejh l-ispejjez kontinwi li trid ta’ kuljum biex iżżomm lil din l-Għaqda għaddejja. Ma nistgħux ninsew id-domanda għal strumenti ta’ mużika u l-kontijiet tal-affarijiet neċessarji. U fuq kollox, trid tiġI organizzata l-festa tant għal qalbna l-Bajdisti tal-Madonna tal-Grazzja. Għaldaqstant, inħeġġuk biex tagħti sehmek fl-iskema ta’ ġbir ta’ fondi billi tagħti donazzjoni ta’ 5 ewro fix-xahar. Diġa huma ħafna li qed jagħtu din id-donazzjoni iżda qatt mhu biżżejjed. Is-sehem tiegħek hu essenzjali biex dan il-bini jitgawda speċjalment fiż-żminijiet sbieħ tal-festa u matul is-sena kolla. Għal aktar informazzjoni dwar l-iskema, ikkuntattja lis-Segretarju Finanzjarju, s-Sur Jason Scicluna, jew lil xi membru tal-Kumitat Eżekuttiv u mexxi din il-kelma ma kull Bajdist li għandu għal qalbu li jara l-każin, propjeta tagħna, dejjem aktar jiġġedded u jisbieħ