Il-ħolma tal-Kumitat Ċentrali tas-sena 1989 / 90 biex jinbena maħżen ġdid għall-armar tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja bdiet isseħħ fix-xahar ta’ Marzu 1990, meta fis-sala tal-Kumitat Ċentrali

sar il-kuntratt tax-xiri tal-post bin-numru 8 fi Sqaq San Ġakbu  Numru 1.
Quddiem in-Nutar Victor Bisazza u fil-preżenza tal-Avukat tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Dr. Pawlu Lia LLD., ġie ffirmat dan il-kuntratt li bih il-Kumitat seta’ jibda  xogħolijiet fuq dan il-maħżen il-ġdid.
Il-Kumitat ta’ dak iż-żmien ħatar lill-Perit Muscat Azzopardi biex jagħmel pjanta għal  dan il-proġett kbir li ġie approvat mill-membri tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel. Il-pjanta tiegħu ġiet imfassla saqaf fuq ieħor, b’għoli ta’ żewġ sulari. Ix-xogħolijiet bdew minnufih u kienu l-membri u l-partitarji tal-Għaqda stess li għamlu x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni kif ukoll l-installazjoni tad-dawl u l-ilma, biex ix-xewqa ta’ ħafna saret realta’ u issa l-Għaqda kellha post fejn jintrefa’ l-armar tal-festa. Ġie deċiż li dan il-maħżen jissemma’ għall-patruna ta’ Ħaż-Żabbar u tal-Għaqda u ngħata l-isem ta’ Maħżen Ommna tal-Grazzja.


Minn din il-paġna tas-sit uffiċjali tagħna nixtiequ nirringrazzjaw lil kull persuna li b’xi mod offriet l-għajnuna tagħha biex dan il-proġett twettaq.