kummissjoni zghazagh AD. 1988 |
|
Il-kummissjoni żgħażagħ bajdisti ġiet uffiċjalment imwaqqfa fl-1988 minn grupp ta’ ġuvintur li kienu ta’ spiss jifrekwentaw il-każin, dak iż-żmien tal-Banda San Mikiel. Din hi l-ewwel kummissjoni tax-xorta tagħha mwaqqfa f’ Ħaż-Żabbar. Matul is-snin ... Din il-kummissjoni ġiet imwaqqfa bl-għan ewlieni li bl-enerġija u l-entużjażmu tagħha, jiġu attirati aktar żgħażagħ lejn is-soċjeta’ mhux biss fi żmien il-festa iżda wkoll matul is-sena kollha. Hi magħmula minn chairperson, segretarju, kaxxier, l-assistenti tagħhom, kuratur tal-maħżen u ħames membri. Ilkoll flimkien jaħdmu biex jigwadanjaw il-flus meħtieġa biex jgħinu lill-każin. Għalhekk jiġu mtella’ diversi okkażjonijiet ta’ fund raising ... kunċerti, ikliet, coffee mornings, parties, iljieli maltin, carshows u ħafna oħrajn. L-attendenza numeruża għal dawn l-attivitajiet tixhed il-professjonalita’ li dejjem ħadmu biha ż-żgħażagħ bajdisti. Impossibli ssemmi lil kull min ta’ sehmu f’ din il-kummissjoni iżda ma nistgħux ninsew lil sħabna Mark Anastasi u Charles Muscat li t-tnejn ħallew din id-dinja qabilna ta’ eta’ kemmxejn żgħira. Il-festa ... Bla dubju li kull partitarju jkun qed jistenna b’ ċertu ħerqa l-festa tant għażiża tal-Madonna tal-Grazzja. Sa minn ġimgħatejn wara l-festa ta’ San Mikiel, il-membri eletti tal-kummissjoni jibdew jaħsbu dwar x’ jistgħu jagħmlu ġdid u kif jistgħu jaslu għalih. Tista’ tgħid li din il-kummissjoni kienet il-pijuniera f’ Malta ta’ diversi xogħolijiet artistiċi li llum il-ġurnata jinstabu f’ ħafna mill-festi maltin. L-oriġinalita’ kienet minn dejjem il-pedament ta’ kull proġett għall-festa. Biżżejjed insemmu l-umbrella l-kbira bil-pittura, l-imrewħa ġganteska bil-pittura, il-brimba, il-koppla, il-qarnita,il-kannizzata, il-bandalora u l-monument. Il-faċċata tal-każin hi wkoll xogħol din il-kummissjoni u għada titgawda sal-ġurnata ta’ llum. Illum ... Illum il-ġurnata, minkejja li ż-żminijiet inbidlu, il-kummissjoni żgħażagħ bajdisti għada b’ saħħitha u b’ entużjażmu liema bħalu biex tagħti pjaċir liż-żabbarin kolla fil-festa li ġejja, speċjalment lil partitarji numerużi bajdisti. Il-weekender, is-CD, is-souveniers, l-armar tat-toroq, il-brijju tal-festa ... kolla huma impenjattivi biex wieħed jorganizzahom, iżda nassigurakom, li din is-sena, bħas-snin l-imgħoddija, ‘tal-bajda’ se jerġgħu jimpressjonaw . Grazzi kbira ... Grazzi kbira tmur lil kull min fis-snin l-imgħoddijja kien parti minn din il-kummissjoni u lil kull min għen biex il-mixja tagħha kienet waħda mimlija suċċessi !!
|
|
![]() |
|
![]() |
|
![]() |
|