1. Isem u Għan
1.1 L-Għaqda hija mqegħda taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja u hi magħrufa bl-isem ta’ Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883.
1.2 L-emblema tal-Għaqda hija komposta minn żewġ skudetti, bl-ewwel wieħed jirrapreżenta lil Ommna Marija Funtana tal-Grazzji u l-ieħor l-emblema tal-Arkanġlu San Mikiel. Tgħaqqad dawn iż-żewġ skudetti hemm arpa li tirrapreżenta l-mużika. Fuq in-naħa ta’ isfel insibu żigarella bil-kliem ‘A.D. 1883 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL ŻABBAR’. Idawwar dan kollu nsibu l-weraq tar-rand fuq kull naħa.
1.3 Il-Bandiera tal-Għaqda ġġib l-emblema msemmija f’1.2 u hija mqiegħda fuq sfond aħdar. Fit-tarf tal-bandiera nsibu burdura b’erba’ kantunieri ddisinjati ta’ kulur isfar.
1.4 L-iskop tat-twaqqif tagħha huwa:
1.4.1 It-tagħlim tal-mużika,
1.4.2 Ir-rikreazzjoni tas-soċi,
1.4.3 L-organizazzjoni tal-festa tal-Patruna tagħha, il-festa tal-Madonna tal-Grazzja,
1.4.4 L-organizazzjoni tal-festa tal-Patrun tal-Banda, l-Arkanġlu San Mikiel.
1.5 L-ilsien uffiċjali tal-Għaqda huwa l-ilsien Malti. Ilsna oħra jistgħu jiġu użati jekk u fejn ikun meħtieġ.
2. Imseħbin
2.1 L-imseħbin ta l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel huma:
2.1.1 Kumitat Ċentrali
2.1.2 Presidenti Onorarji
2.1.3 Bandisti tal-Post
2.1.4 Bandisti Studenti
2.1.5 Bandisti Onorarji
2.1.6 Membri Sussidjarji
2.1.7 Membri Onorarji
2.1.8 Kummissjoni Banda
2.1.9 Kummissjoni Nar u Armar
2.1.10 Fergħa Nisa
2.1.11 Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti
2.1.12 Kummissjoni Planċier
3. Kumitat Ċentrali – Direzzjoni
3.1 Il-Kumitat huwa magħmul minn persuni minn 18-il sena ‘l fuq li jiġu magħżula mill-bandisti u l-membri kollha.
3.2 Il-Kumitat għandu jkun kompost minn: President, Viċi President, Segretarju Eżekuttiv, Assistent Segretarju Eżekuttiv, Segretarju Finanzjarju, żewġ Assistenti Segretarji Finanzjarji, Konsulent Tekniku, Direttur Ġenerali, Assistent Direttur Ġenerali, Rappreżentant tal-Banda, Arkivista jew Assistent Rappreżentant tal-Banda, Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi, erba’ membri u Direttur Spiritwali.
3.3 L-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kumitat Ċentrali għandha ssir billi jitwaħħal avviż fuq in-notice board flimkien mal-karta tal-karigi 15-il ġurnata qabel il-Laqgħa Ġenerali Annwali, sabiex ikunu jistgħu jsiru n-nomini għall-kandidati.
3.4 L-għażla tar-Rappreżentant tal-Banda u tal-Assistent tiegħu issir mill-bandisti stess qabel il-Laqgħa Ġenerali Annwali, waqt il-Laqgħa Annwali tal-Bandisti.
3.5 Id-Direttur Spiritwali jrid jiġi approvat mill-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar.
3.6 Kull nomina ta’ kandidat trid tiġi ffirmata minnu stess, mill-Proponent u mis-Sekondant.
3.7 Jistgħu jiġu proponuti nies għall-Kumitat dawk li jkunu ilhom membri mhux anqas minn sena, kif ukoll bandisti li jkunu ilhom li ħarġu jdoqqu sena jew aktar.
3.8 Wara li jinħatar il-Kumitat Ċrntrali, jinħatru żewġ Reviżuri, Konsulent Legali, u karigi Onorarji jekk ikun hemm.
3.9 Jekk ikun hemm xi riżenja mill-Kumitat, din tiġi mimlija mir-runner-up tal-aħħar Laqgħha Ġenerali. Fil-każ li ma jkunx hemm runner-up, il-Kumitat ikollu dritt li jimla l-vakanza jew vakanzi huwa, wara li jitlob nomini fuq in-notice board.
3.10 F’każ ta’ riżenja ta’ President, Segretarju Eżekuttiv u / jew Segretarju Finanzjarju, trid tiġi mgħajjta Laqgħa Ġenerali biex jimtela l-post vakanti.
3.11 Kull meta jxolji Kumitat, il-membri kollha jaqgħu membri ordinarji.
4. Kumitat Ċentrali – Dmirijiet u Drittijiet
4.1 Il-President huwa responsabbli tat-tmexxija tal-Għaqda.
4.1.1 Għandu jippresiedi l-laqgħat kollha li jsiru, kemm Ġenerali kif ukoll tal-Kumitat u jara li r-regolamenti qed ikunu mwettqa.
4.1.2 Il-President jista’ jattendi kull laqgħa tal-Kummissjonijiet / Fergħat fi ħdan l-Għaqda.
4.1.3 Għandu jiġi muri lilu dak kollu li għandu x’ jaqsam mal-Għaqda.
4.1.4 Il-President għandu dritt għall-vot f’każ ta’ parita u l-vot tiegħu jkun deċiżiv.
4.2 Is-Segretarju Eżekuttiv huwa fl-obbligu li jżomm minuti tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-laqgħat tal-Kumitat kif ukoll tal-laqgħat ġenerali, file tal-ittri kollha li jirċievi u kopja ta’ dawk li jibgħat u jżomm reġistru bl-ismijiet u indirizzi tal-bandisti u membri kollha.
4.2.1 Is-Segretarju Eżekuttiv jista’ jattendi f’kull laqgħa li ssir minn kull Kummissjoni / Fergħa fi ħdan l-Għaqda.
4.2.2 Is-Segretarju Eżekuttiv huwa legalment responsabbli minn kull ħaġa li tiġi deċiża kemm mill-Kumitat !entrali, kif ukoll mill-Kummissjonijiet / Fergħat fi ħdan l-Għaqda u kull deċiżjoni li tittieħed minn dawn irid ikollha l-approvazzjoni tiegħu.
4.3 Is-Segretarju Finanzjarju għandu jżomm il-kotba u dokumenti tal-bank jew sigurtajiet tal-bank oħrajn li jista’ jkollha l-Għaqda. Reġistru li fih iżomm id-dħul u l-ħruġ tal-flus bid-dettalji meħtieġa, reġistru ieħor li fih iżomm id-dħul u l-ħruġ iddettaljat ta’ kull programm li jkollha l-banda, kif ukoll reġistru tal-menswalita`.
4.3.1 Is-Segretarju Finanzjarju huwa responsabbli għad-dħul u l-ħruġ u għandu jippreżenta fil-Kumitat rendikont kull 3 xhur u rapport tal-membri regolari. Is-Segretarju Finanzjarju għandu wkoll dawn id-dmirijiet:
4.3.1.1 Kull somma ta’ aktar minn €500 għandu jiddepożitaha fil-bank.
4.3.1.2 Jieħu ħsieb il-ġbir tal-menswalita` jew jiddelega l-Assistenti tiegħu biex jagħmlu dan.
4.3.1.3 Is-Segretarju Finanzjarju għandu jkun preżenti f’kull kwestjoni finanzjarja.
4.3.1.4 Jitlob rendikont finanzjarju tal-Kummissjonijiet / Fergħat meta jara li hemm il-ħtieġa.
4.3.1.5 Kull transazzjoni li ssir fil-banek trid tiġi ffirmata minn mhux anqas minn żewġ uffiċjali minn tlieta.
4.4 Il-President, is-Segretarju Eżekuttiv u s-Segretarju Finanzjarju huma fid-dover li jirrapreżentaw lill-Għaqda b’ mod uffiċjali.
4.5 L-Assistenti ta’ kull Uffiċjal huma fid-dover li jgħinu lill-uffiċjali tagħhom rispettivament u fin-nuqqas tagħhom iridu jagħmlu x-xogħol tal-istess uffiċjali.
4.6 Il-Konsulent Tekniku huwa fid-dover li jagħti pariri siewja lill-Kumitat kull meta jkun meħtieġ u / jew mitlub. Għandu jkun intiż fuq ir-regolamenti tal-Għaqda u dak kollu li jikkonċerna t-tmexxija tal-istess Għaqda.
4.7 Il-Banda hija rappreżentata fil-Kumitat mir-Rappreżentant tal-Banda kif ukoll mill-Arkivista / Assistent Rappreżentant maħtura mill-bandisti stess waqt laqgħa li ssir kull sena qabel il-Laqħa Ġenerali Annwali.
4.7.1 Ir-Rappreżentant huwa fid-dmir li jara l-bżonnijiet tal-banda u li jressaq fil-Kumitat kull disgwid li jista’ jinqala.
4.7.2 Fid-dmir li jżomm reġistru bl-ismijiet tal-bandisti u l-allievi bid-dettalji tagħhom kif ukoll lista ta’ strumenti li jinsabu għand il-bandisti.
4.7.3 Jgħarraf lill-Arkivista b’kull tibdil li jsir mill-istrumenti li jkunu f’idejn il-bandisti jew merfugħa.
4.7.4 Iżomm rendikont tal-attendenza tal-bandisti fil-kunċerti u programmi u jirraporta lill-Kumitat meta xi nuqqasijiet ma jkunux sodisfaċenti għalih.
4.7.5 Jordna lill-bandisti barranin u jgħarraf lill-bandisti bil-ġurnata, il-ħin u l-post, kemm ta’ kunċerti kif ukoll tal-programmi.
4.7.6 Jgħarraf lis-Surmast Direttur b’kull programm li jkollha l-Banda u miegħu jiddeċiedi n-numru ta’ bandisti barranin li jkun hemm bżonn.
4.7.7 Jgħarraf lill-Arkivista bil-mużika li tkun sejra tindaqq biex jieħu ħsieb it-tqassim tagħha.
4.7.8 Ir-Rappreżentant flimkien mal-Arkivista għandhom jieħdu ħsieb li jagħtu xi repo lill-banda skond id-direttivi tal-Kumitat.
4.7.9 Ir-Rappreżentant tal-Banda għandu jimxi mas-Surmast bl-armonija neċessarja u għandu jikkonsulta mas-Surmast fuq l-għażla tal-mużika wara li jkollu l-approvazzjoni tal-Kumitat.
4.7.10 Ir-Rappreżentant għandu jikkonsulta ruħu mal-Kumitat qabel ma jingħata jew jittieħed xi strument kemm lill-bandisti kif ukoll lill-allievi.
4.7.11 Ir-Rappreżentant għandu jressaq lil kull min jitlob biex jitgħallem il-mużika quddiem l-għalliema rispettivi.
4.7.12 Ir-Rappreżentant għandu jikkonsulta mas-Segretarju Finanzjarju fuq xi ħlasijiet li jsiru lill-bandisti.
4.8 Id-Direttur Ġenerali huwa responsabbli għat-tmexxija interna tal-każin.
4.8.1 Id-Direttur Ġenerali huwa fid-dmir li jżomm inventarju ġenerali tal-Għaqda. Kopja ta’ dan l-inventarju għandha tingħata lis-Segretarju u lis-Segretarju Finanzjarju. Dan l-inventarju għandu jinkludi kull propjeta tal-Għaqda b’dak kollu li fiha.
4.8.2 L-Assistant Direttur Ġenerali għandu jassisti lid-Direttur Ġenerali f’dak kollu li jkun hemm bżonn u jassumi r-responsabbiltajiet kollha fin-nuqqas tad-Direttur Ġenerali.
4.9 L-Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi għandu jieħu ħsieb il-pubbliċita u l-avviżi kollha neċessarji li jsiru minn żmien għall-ieħor, kemm dawk li jirrigwardaw il-banda kif ukoll attivitajiet oħra. Għandu jieħu ħsieb li jżomm ritratti u materjal ieħor ta’ kull attiva li tiġi mtellgħa mill-Għaqda jew Kummissjonjiet / Fergħat fi ħdanha. Dan il-materjal għandu jinżamm fil-każin.
4.9.1 L-Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi għandu jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tar-riviżta annwali li toħroġ għal kull festa tal-Madonna tal-Grazzja (Programm tal-Festa) u s-sit elettroniku uffiċjali www.talgrazzjabandasanmikiel.com
4.10 Il-Membri tal-Kumitat għandhom jgħinu lill-Uffiċjali tal-Kumitat mill-aħjar li jistgħu u kif ikunu ordnati mill-President.
4.10.1 Il-Membri tal-Kumitat għandhom jattendu l-laqgħat kollha tal-Kumitat.
4.11 Ir-Reviżuri (Awdituri) huma fid-dmir li jiltaqgħu kull 6 xhur biex jeżaminaw ir-reġistri tas-Segretarju Finanzjarju u jiffirmawhom jekk isibuhom regolari jew jinformaw lis-Segretarju bil-miktub jekk ikollhom xi dubji.
4.11.1 Ir-Reviżuri huma fid-dmir ukoll li jeżaminaw il-kotba finanzjarji ta’ kull Kummissjoni / Fergħa fi ħdan l-Għaqda. Fiż-żewġ każi jistgħu jagħmlu dan mingħajr avviż minn qabel.
4.11.2 Ir-Reviżuri jridu jiġu konfermati f’kull Laqgħa Ġenerali Annwali.
4.12 Il-Kumitat għandu l-jedd li jaħtar Patruni, Konsulenti, Presidenti Onorarji tal-Għaqda, iżda kull ħatra trid tiġi approvata minn Laqgħa Ġenerali.
4.12.1 Karigi msemmija f’4.11 igawdu l-faċilitajiet kollha li toffri l-Għaqda lill-Membri effettivi, iżda mingħajr dritt għall-vot. Huma ma jistgħux jiġu magħżulin biex jagħmlu parti mill-Kumitat, iżda jistgħu jiġu mistiedna għal xi laqgħat kull meta jiddeċiedi hekk il-Kumitat, waqt li jibqgħu mingħajr dritt għall-vot.
5. Dmirijiet tal-Kumitat Ċentrali
5.1 Il-Kumitat Ċentrali għandu, mill-inqas, jiltaqa’ darba fix-xahar.
5.2 Is-Segretarju Eżekuttiv għandu minn tal-anqas tlett ijiem qabel kull laqgħa, jinforma lil kull membru tal-Kumitat bid-data u l-ħin tal-laqgħa. L-aġenda trid tkun magħmula mill-President u minnu stess.
5.3 Sabiex il-laqgħa tkun legali, irid ikun hemm attendenza ta’ nofs il-membri u wieħed.
5.4 Jekk xi ħadd jonqos li jattendi l-laqgħat għal tliet darbiet konsekuttivi bla ma jagħti raġuni xierqa, ikun magħdud bħala li spiċċa mill-Kumitat.
5.5 Il-President, is-Segretarju Eżekuttiv u s-Segretarju Finanzjarju jistgħu jieħdu xi deċiżjoni urġenti mingħajr ma jikkonsultaw lill-Kumitat.
5.6 Il-President jista’ jordna laqgħa urġenti jekk iħoss il-ħtieġa.
5.7 Kwalunkwe votazzjoni għandha ssir bil-wiri tal-idejn, iżda kulħadd għandu d-dritt għall-vot sigriet.
5.8 Il-Kumitat għandu s-setgħa jikkowoptja lil kwalunkwe membru / bandist li jidhirlu li jista’ jkun ta’ għajnuna biex iservi f’sotto Kumitat jew Kummissjoni.
5.9 Il-Kumitat ma jistax jiddisponi aktar minn elfejn Ewro (€2000) fuq affarijiet straordinarji matul is-sena mingħajr l-approvazzjoni ta’ Laqgħa Ġenerali. (Il-banda tidħol fl-ispejjeż ordinarji).
5.10 Ħadd ma jista’ jagħmel spejjeż għan-nom tal-Għaqda mingħajr l-ordni tal-Kumitat.
5.11 F’każ ta’ opportunita` ta’ xiri ta’ xi propjeta`, l-uffiċjali għandhom id-dritt li jinnegozjaw mingħajr il-ħtieġa li tingħajjat Laqgħa Ġenerali.
5.12 Kull Uffiċjal li jispiċċa minn kariga jrid jirritorna kull dokument tal-Għaqda li jkollu fil-pussess tiegħu.
5.13 Kull membru li jispiċċa mill-Kumitat, irid jirritorna kull dokument u materjal ieħor marbut mal-Għaqda li jkollu fil-pussess tiegħu.
6. Il-Membri
6.1 Il-Membri huma dawk kollha (irġiel u nisa) li jħallsu l-menswalita` u li isimhom ikun jidher fil-lista tal-membri ta’ mhux anqas minn tmintax-il sena u ta’ kondotta tajba.
6.2 Dik il-persuna li għal xi raġuni l-Kumitat ma jaċċetahiex bħala membru, ma tkunx tista’ terġa’ tiġi proposta qabel sena. Id-deċiżjoni tal-Kumitat hija finali.
6.3 Il-membri huma fl-obbligu li jhallsu għaxar Ewro (€10.00) fis-sena bħala menswalita` sabiex ikunu jistgħu jibqgħu membri fl-Għaqda.
6.4 Dawk il-membri li jkun lura fil-ħlas għal aktar minn sitt (6) xhur, jiġu avżati mis-Segretarju Finanzjarju bil-miktub u jekk ma jħallsux l-arretrati sa tmint (8) ijiem, isimhom jiġi mħassar mil-lista tal-membri.
6.5 Dawk il-membri li għalqu s-sittin (60) sena sal-31 ta’ Diċembru 2010 u jkunu ilhom membri għal għaxar (10) snin kontinwi, jiġu eżentati mill-menswalita` u jibqgħu igawdu l-istess drittijiet. Dawn jibdew jissejħu bħala Membri Onorarji. Dawk il-membri li jagħlqu s-sittin (60) sena mis-sena 2011 ‘il quddiem, għandhom jibqgħu iħallsu l-menswalita` sal-ħamsa u sittin (65) sena sakemm jibdew jissejħu ‘Membri Onorarji’.
6.6 Ebda membru ma jista’ jgawdi mill-privileġġi kollha tal-Għaqda jekk ikun lura fil-ħlas tal-menswalita` għal aktar minn sitt (6) xhur.
6.7 L-ebda membru effettiv ma jista’ jkun imsieħeb ma’ xi Għaqda Mużikali oħra f’ Ħaż-Żabbar.
7. Is-Surmast Direttur
7.1 Is-Surmast Direttur tal-Banda jiġi magħżul mill-Kumitat b’konsultazzjoni mal-bandisti tal-post. Deċiżjoni rigward is-salarji u affarijiet oħra jittieħdu mill-Kumitat.
7.2 Is-Surmast Direttur għandu jiddeċiedi meta Alliev ikun wasal biex joħroġ bħala bandist.
7.3 Is-Surmast Direttur jassenja l-parti li għandhom jesegwixxu l-bandisti.
7.4 Is-Surmast Direttur jissuġerixxi n-numru ta’ bandisti barranin li jkun hemm bżonn lir-Rappreżentant tal-Banda.
7.5 Is-Surmast Direttur għandu jagħmel kunċerti skont il-ftehim li jkollu mal-Kumitat u skont il-bżonn tal-Banda.
7.6 Is-Surmast Direttur għandu jirraporta lill-Kumitat b’kull tfixkil li jista’ jkollu.
8. L-Assistent Surmast
8.1 Il-Kumitat jista’ jaħtar Assistent Surmast biex jgħin lis-Surmast Direttur fit-tmexxija tal-Banda. L-Assistent Surmast, fl-assenza tas-Surmast, iġorr l-obbligi u d-dmirijiet kollha tas-Surmast Direttur.
8.2 Il-Kumitat jista’ jitlob u jiftiehem mas-Surmast Direttur u / jew mal-Assistent Surmast biex jagħtu lezzjonijiet tal-mużika lill-allievi / bandisti. Il-Kumitat jista’ wkoll jaħtar lil ħaddieħor biex jagħti dawn il-lezzjonijiet. Il-ħlas fil-każi kollha jkun miftiehem mal-Kumitat. Skeda bil-ġranet tat-tagħlim għandha ssir bi ftehim mar-Rappreżentant tal-Banda.
8.3 Il-Kumitat huwa fl-obbligu li jitlob lis-Surmast Direttur, Assistent Surmast Direttur jew Għalliem tal-Allievi l-progess ta’ kull alliev / bandist fil-qasam bandistiku.
9. Il-Bandisti tal-Post / L-Allievi
9.1 Bandisti tal-Post huma dawk li jservu lill-banda mingħajr ħlas.
9.2 Jekk bandist minħabba saħħtu, fuq ċertifikat tat-tabib, jew jiġi mġiegħel mill-Kumitat għall-istess raġuni, ma jkunx jista’ jkompli jagħti s-servizz lill-Banda, dan jibqa’ jgawdi d-drittijiet u privileġġi kollha ta’ bandist sa ħames (5) snin mid-data li fiha t-talba tiegħu tiġi milqugħa mill-Kumitat. Wara dan il-perjodu, din il-persuna titlef biss il-privileġġ li meta tmut tkun akkompanjata mill-Banda. Il-Kumitat iżomm id-dritt Ii juża d-deskrizzjoni tiegħu dwar kull talba, u jekk meta tiġi milqugħa, li jitlob tiġdid ta’ ċertifikat kull meta jħoss il-ħtieġa.
9.3 F’kaz li jiġri dak f’ artiklu 9.2, pero l-bandist ikun ta s-servizz tiegħu mal-Banda għal tletin (30) sena jew aktar, dan għandu jibqa’ jgawdi mill-privileġġi kollha ta’ bandist effettiv.
9.4 Huwa fid-dmir ta’ kull bandist li jattendi għall-kunċerti regolari u għall-programmi li jkollha l-Banda, basta jkun avżat ħmistax-il (15) ġurnata qabel. Bandist tal-Post ma jistax imur idoqq ma’ baned oħra meta l-Banda tagħna jkollha xi servizz, jekk mhux bil-permess tal-Kumitat.
9.5 Il-bandist huwa fid-dmir li jieħu ħsieb l-istrument li jkun fdat f’idejh u għandu jagħti sodisfazzjon lir-Rappreżentant tal-Banda meta dan jonqos mid-dover tiegħu.
9.6 Il-Bandist jew l-Alliev huwa responsabbli għall-istrument Ii jiġi mogħti lilu u għandu jirritornah meta jkun mitlub, f’kundizzjoni tajba lill-Kumitat u għandu jkollu xi ħadd garanti meta dan ikun taht it-tmintax-il (18) sena.
9.7 Il-bandist għandu jkollu permess mir-Rappreżentat biex juża l-istrument għal servizzi barranin u jrid jigarantixxi l-propjeta li jkollu f’idejh tal-Għaqda.
9.8 Meta bandist iħalli l-Banda u fl-istess ħin jibqa’ jdoqq ma’ baned oħra lokali, sabiex jerġa’ jiġi ammes fl-Għaqda, irid jiġi approvat mill-Kumitat u mil-Laqgħa Ġenerali tal-Bandisti.
9.9 Meta bandist iħalli lill-Banda u fl-istess ħin jibqa’ jdoqq ma’ baned oħra bħala bandist barrani, ma jistax ikun membru sussidjarju.
9.10 Ebda bandist li jħalli l-Banda ma jista’ jibqa’ bħala membru sussidjarju jekk il-kawża iegħu ma tissodisfax lill-kumitat.
9.11 Kull min ikun jixtieq li jitgħallem xi strument mużikali bil-għan li jissieħeb mal-Banda San Mikiel, ikun jrid jimla applikazzjoni li tkun approvata mill-Kumitat. Jekk l-Alliev ikun għalaq it-tmintax-il (18) sena, l-applikazzjoni timtela minnu stess. Jekk ikollu anqas minn tmintax-il (18) sena, l-applikazzjoni timtela u tiġi ffirmata minn wieħed mill-ġenituri jew persuna legalment responsabbli minnu.
9.12 Kull alliev li jaċċetta li jitgħallem l-mużika mal-Banda, irid jintrabat li jagħti minn tal-inqas 3 snin servizz b’xejn lill-Banda tagħna bħala ħlas għat-tagħlim Ii jkun ingħata.
9.13 Il-Kumitat għandu dritt Ii jitlob l-istrument tal-Banda lura mingħand kull bandist li ma jkunx qiegħed juri interess fil-Banda.
10. Laqgħat Ġenerali / Straordinarji
10.1 Għandhom isiru dawn il-Laqgħat Ġenerali:
10.2 F’Awissu sabiex jiġu nformati s-soċi x’parti sejra tieħu l-Għaqda u l-Banda fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja kif ukoll biex jinqara r-Rendikont Finanzjaru tas-sitt (6) xhur.
10.3 F’Ottubru biex jinħatar Kumitat ġdid għas-sena ta’ wara, il-qari tar-Rendikont Finanzjarju tat-tieni sitt (6) xhur tas-sena kif ukoll ir-Rapport Amministrattiv.
10.4 Kull meta l-President u l-Kumitat jidrilhom li m’għandhomx jieħdu deċiżjoni weħidhom.
10.5 Laqgħa Ġenerali Straordinarja issir meta terz (⅓) tal-membri regolari japplikaw bil-miktub lis-Segretarju u juru l-ħtieġa tat-talba tagħhom.
10.6 Il-President wara li jkun stħarreġ u ddiskuta din it-talba mal-Uffiċjali tiegħu, u jara li hija talba valida, huwa fid-dmir li jsejjaħ il-Laqgħa Straordinarja fi żmien ħmistax-il (15) ġurnata minn meta tkun ippreżentata t-talba.
10.7 Avviż tal-Laqgħat Ġenerali għandhom jiġu mħabbra lis-soċi mhux żnqas minn sebat (7) ijiem qabel permezz ta’ avviż fin-notice board tal-każin u permezz ta’ ċirkulari lis-soċi u bandisti. Iċ-ċirkolari m’għandhomx jaslu akar tard minn tlett (3) ijiem qabel il-ġurnata tal-Laqgħa Ġenerali.
10.8 F’każ ta’ urġenza, il-President għandu d-dritt li jnaqqas iż-żmien tal-avviż minn dak stipulat f’Artiklu 10.7.
10.9 Jekk fil-ħin avżat għal-Laqgħa ma jkunx hemm kworum, il-President jista’ jipposponi l-Laqgħa għal nofs siegħa wara, jew għal jum ieħor, u hemm il-Laqgħa ssir bil-membri preżenti.
10.10 Kull deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ voti b’turija tal-idejn jew b’vot sigriet jekk dan jintalab imqar minn soċi wieħed.
10.11 Min ikun qed jippresiedi, ma jistax jivvota ħlief meta l-għadd tal-voti jiġi ndaqs.
10.12 Kull emenda għall-Istatut trid tgħaddi mil-Laqgħa Ġenerali.
10.13 Biex wiehed jinhatar f’kariga onorarja, irid jghaddi mill-laqgha generali annwali, u jrid jigi konfermat f’ kull laqgha Generali Annwali.
10.14 Jekk mozzjoni jew proposta miġjuba f’Laqgħa Ġenerali ma tgħaddix, din ma tistax terġa’ titressaq qabel tgħaddi sena.
11. Kummissjonijiet / Fergħat
11.1 Fl-Għaqda tagħna jeżistu ħames (5) Kummissjonijiet / Fergħat, li huma:
11.1.1 Fergħa Nisa
11.1.2 Kummissjoni Nar u Armar
11.1.3 Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti
11.1.4 Kummissjoni Planċier
11.1.5 Kummissjoni Banda.
11.2 Il-Kumitat jaħtar Kummisjonijiet / Fergħat skont il-ħtieġa. Il-membri ta’ dawn il-Kummissjonijiet / Fergħat jistgħu jintagħżlu kemm minn fost il-membri tal-Kumitat kif ukoll minn membri effettivi jew imħalltin.
11.3 Persuni li jixtiequ jiffurmaw parti mill-Kummissjonijiet / Fergħat għandhom jimlew applikazzjoni meta jkun hemm is-sejħa u din trid tiġi approvata mill-Kumitat Ċentrali.
11.4 Biex persuna tagħmel parti minn Kummissjoni / Fergħa jrid ikollha mhux anqas minn sittax-il (16) sena.
11.5 Meta membru f’Kummissjoni / Fergħa jagħlaq it-tmintax-il (18) sena, isir awtomatikament membru skont Artiklu 6.1 tal-istatut mingħajr il-ħtieġa li jerġa’ jiġi approvat mill-Kumitat. B’danakollu huwa jibqa’ wkoll membru fil-Kummissjoni / Fergħa.
11.6 Il-Kummisjonijiet / Fergħat jistgħu jorganizzaw laqgħat u attivitajiet bl-approvazzjoni tal-Kumitat !entrali minn qabel. Għandhom ukoll jamministraw il-finanzi tagħhom. Is-Segretarju Finanzjarju huwa fid-dover li jissorvelja u jżomm b’regolarita reġistru li juri d-dħul u l-ħruġ tal-flus ta’ kull Kummissjoni / Fergħa skont Artiklu 4.3.5 ta’ dan l-Istatut.
11.7 Il-finanzi tal-Kummissjonijiet / Fergħat jinżammu f’kont bankarju separat, iżda kull żbank irid ikun iffirmat minn żewġ Uffiċjali tal-Kumitat Ċentrali.
11.8 Il-Kummissjonijiet / Fergħat fi ħdan din l-Għaqda huma marbuta li jaħdmu id f’id mal-Kumitat Ċentrali.
11.9 Il-President tal-Kumitat Ċentrali għandu d-dmir li jissorvelja t-tmexxija ta’ kull Kummissjoni / Fergħa. Għandu d-dritt ukoll li jeżamina kotba tas-Segretarju u l-Kaxxier tal-Kummissjoni / Fergħa u kwalunkwe dokument relatat mal-Kummissjoni / Fergħa.
12. Il-Bar
12.1 Il-każin għandu jkollu bar li jkun fornit b’affarijiet ġenwini u prezzijiet moderati.
12.2 Il-bar jittieħed bl-offerta skont il-kundizzjonijiet li jagħmel il-Kumitat.
12.3 Il-kundizzjonijiet tal-offerta tal-bar iridu jiġu esponuti fuq in-notice board mill-anqas ħmistax-il (15) ġurnata qabel ma jagħlqu.
12.4 Il-Kumitat ikollu u jżomm id-dritt li jirrifjuta kwalunkwe offerta mingħajr ma jagħti raġuni, anke jekk din tkun l-aktar waħda vantaġġjuża.
12.5 Il-Kerrej li jingħata l-bar irid jiffirma s-sett ta’ regolamenti li fuqhom tkun intefgħet l-offerta, u għall-ebda raġuni ma jistgħu jinkisru.
12.6 F’każ ta’ ksur ta’ regolamenti min-naħa tal-Kerrej, il-Kumitat għandu d-dritt li jtemm il-kuntratt.
12.7 F’każ li ma jkun hemm l-ebda offerta jew l-offerti li jintefgħu ma jkunux sodisfaċenti, il-Kumitat iżomm id-dritt li jmexxi l-bar hu għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt (6) xhur u fl-istess ħin għandha tinħareġ offerta oħra għall-kirja tal-bar.
13. Ġurnali, Petizzjonijiet u Morali Pubblika
13.1 Il-Kumitat Ċentrali biss jista’ jiddeċiedi liema perjodiċi jew gazzetti għandhom jidħlu fil-każin.
13.2 L-Għaqda m’għandhiex tiġi attribwita ma’ xi kulur politiku. Ħadd ma jista’ jesponi materjal politiku fil-bini tal-Għaqda.
13.3 Hija projbita kwalunkwe petizzjoni, kontribuzzjoni, lotterija jew affarijiet oħra bħal dawn mingħajr permess tal-Kumitat.
13.4 Kliem jew għemil li jweġġa’ lill-morali pubblika jew lir-Reliġjon huma assolutament ipprojbiti.
13.5 Ebda logħob tal-azzard m’hu permess fil-bini tal-każin.
14. Passi Dixxiplinarji
14.1 Il-Kumitat Ċentrali għandu d-dritt li jieħu passi dixxiplinarji kontra kull soċi li jonqos mid-doveri tiegħu / tagħha lejn l-Għaqda.
14.2 Il-Kumitat Ċentrali jista’ jieħu passi dixxiplinarji kontra kull bandist li jonqos mid-dover tiegħu / tagħha lejn l-Għaqda jew lejn il-Banda.
14.3 Il-Kumitat Ċentrali jista’ jieħu passi dixxiplinarji kontra s-Surmast, Assistent Surmast jew l-Għalliema tal-Allievi jekk dawn jonqsu mid-doveri tagħhom lejn l-Għaqda, lejn il-Banda jew bandisti / allievi.
14.4 Il-Kumitat Ċentrali jista’ jieħu passi dixxiplinarji kontra kull membru tal-Kumitat u / jew tal-Kummissjonijiet jekk jonqsu mid-doveri tagħhom lejn l-Għaqda.
14.5 Il-Laqgħa Ġenerali tista’ tieħu passi dixxiplinarji kontra l-Uffiċjali tal-Kumitat Ċentrali jekk jonqsu mid-doveri tagħhom lejn l-Għaqda jew lejn il-Banda. F’dan il-każ, għandu jinħatar Bord tad-Dixxiplina magħmul minn tliet (3) membri effettivi waqt l-istess Laqgħa Ġenerali biex janalizzaw il-każ u l-passi dixxiplinarji li għandhom jingħataw.
14.6 Il-passi dixxiplinarji li jista’ juża l-Kumitat Ċentrali / Bord tad-Dixxiplina huma: twiddiba, sospensjoni jew tħassir minn membru, kemm jekk ikun bandist kif ukoll jekk ikun membru sussidjarju.
14.7 Il-perjodu tas-sospensjoni jiġi deċiż mill-Kumitat Ċentrali / Bord tad-Dixxiplina u jkun komparabbli man-nuqqas li jsir.
14.8 Kull bandist jew membru sussidjarji li ismu jitħassar mil-lista tal-bandisti / membri sussidjarji, ma jistax jerġa’ jiġi mdaħħal lura fl-Għaqda qabel ma tgħaddi sena. Wara dan il-perjodu, ikun irid jagħmel dikjarazzjoni jew apoloġija bil-miktub. Din trid tkun tissodisfa lill-Kumitat Ċentrali.
14.9 F’każ ta’ diżordni fil-każin minn xi membru sussidjarju jew individwu, kull membru fil-Kumitat huwa fl-obbligu li jirraporta mill-aktar fis lill-President jew lis-Segretarju Eżekuttiv.
14.10 Ebda persuna ma tista’ tiffrekwenta l-każin jekk ma tkunx soċi jew akkumpanjata minn soċi. Jekk persuna ma tkunx soċi, xorta wahda trid tobdi u timxi skond l-Istatut waqt li qiegħdha fil-bini tal-każin.
14.11 Il-Kumitat Ċentrali / Bord tad-Dixxiplina għandu s-setgħa li jikkastiga lil kull individwu fin-nuqqas tiegħu, jekk dan, wara li jkun mgħarraf, ma jidhirx quddiem il-Kumitat / Laqgħa Ġenerali mingħajr ma jkollu raġuni valida.
15. Żwieġ
15.1 Meta xi membru sussidjarju / bandist jiżżewweġ, titla’ kuruna fil-jum tat-tieġ, jekk il-Kumitat ikun mgħarraf minn qabel.
16. Viżtu
16.1 F’każ ta’ mewt ta’ membru tal-Kumitat Ċentrali jew ta’ xi bandist, il-każin jingħalaq fuq nofs bieba.
16.2 F’każ li jseħħ Artiklu 16.1, il-bandiera tal-Għaqda titla’ mezz’asta għal tlitt (3) ijiem u l-katavru jiġi akkumpanjat mill-membri tal-Kumitat, Kummissjonijiet / Fergħat, mill-Banda bl-istandard u kuruna flimkien mal-membri.
16.3 F’każ li jseħħ Artiklu 16.1, il-Banda ddoqq fil-funeral jekk il-familja tkun trid. F’dan il-każ, għandhom jintbagħtu ċirkolari lis-soċjetajiet mużikali kollha fejn issirilhom talba biex jakkumpanjaw fil-funeral bl-istandard tal-Għaqda tagħhom.
16.4 F’każ li jseħħ Artiklu 16.1, u fi żmien 3 (tliet) xhur il-banda jkollha Programm, il-bandisti jilbsu mustaxija sewda u jżommu minuta silenzju qabel ma jibda l-Programm fuq il-planċier.
16.5 F’ każ ta’ mewt ta’ membru sussidjarju, jitla’ ċoff iswed mezz’asta sakemm issir id-difna.
16.6 F’każ ta’ mewt ta’ qraba ta’ membri sussidjarji, jitla’ ċoff iswed mezz’asta għal ġurnata. Il-qraba huma l-ġenituri, l-aħwa, l-ulied ‘il fuq minn seba’ (7) snin, u l- mara / raġel f’każ ta’ miżżewġin.
16.7 Il-Kumitat għandu jiġi mgħarraf mill-familja tal-mejjet.
16.8 F’każ ta’ mewt ta’ persuna prominenti lokali jew Nazzjonali, titla’ bandiera ta’ Malta mezz’asta sakemm jindifen.
16.9 Jekk il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor, ebda vistu ma jista’ jsir fil-ġranet tal-Ħadd, Festi Pubbliċi u fi ġranet oħra li jidhirlu l-Kumitat.
16.10 F’kaz ta’ mewt ta’ persuna Ekkleżjastika, titla’ l-bandiera ta’ Malta mezz’asta sakemm issir id-difna.
16.11 Tinżamm lista ta’ dawk il-membri / bandisti jew qrabathom li jmutu matul is-sena u f’Novembru tintbagħat ċirkulari lill-familji ta’ dawk li jkunu mietu, fejn jiġu mgħarrfa li se ssir quddiesa kantata b’sufraġju għal ruħhom.
16.12 Kull membru / bandist jista’ jindifen fl-oqbra tal-Għaqda.
16.13 Fix-xahar ta’ Novembru, l-Għaqda tagħmel offiċjatura għal ruħ il-membri / bandisti mejta, u l-membri kollha huma fid-dover li jattendu għal din iċ-ċerimonja.
17. Regolamenti dwar l-Oqbra
17.1 L-Għaqda għandha tliet (3) oqbra numru 584 / 585 / 586 fiċ-Ċimiterju tal-Madonna tal-Ħniena ġewwa Ħaż-Żabbar fejn fihom jistgħu jiġu midfuna l-bandisti u l-membri sussidjarji. Biex il-bandisti u l-membri sussidjarji jkollhom id-dritt li jindifnu f’dawn l-oqbra, jeħtieġ li josservaw dawn ir-regolamenti:
17.1.1 Il-membri jeħtieġu li jkunu ilhom membri regolari tal-Għaqda mhux anqas minn għaxar (10) snin. Jekk membru jkun ilu anqas minn dan il-perjodu, id-differenza tal-ħlas tal-menswalita` trid tiġi mħallsa mill-familjari.
17.1.2 Il-membri ma jistgħux ikunu lura fil-menswalita` iżjed minn sitt (6) xhur.
17.1.3 L-Allievi jeħtieġ ikunu ilhom iżjed minn sena (1) jistudjaw mal- Għaqda.
17.1.4 Jistgħu jiġu midfuna dawk I-bandisti li kawża ta’ sahhithom ma jkunux qegħdin jaqdu lill-Banda.
17.1.5 Iċ-ċertifikat tal-mewt ikun fih muri illi l-qabar ikun jista’ jinfetaħ wara sena mid-difna.
17.1.6 F’każ li l-oqbra ma jkunux jistgħu jinfetħu iżjed minn sena minħabba regolamenti sanitarji, il-familja tal-mejjet ikollha d-dritt li titrasporta il-katavru wara li jagħlaq iż-żmien iffissat għas-spejjeż tagħha.
17.1.7 L-ispejjeż tad-difna jkunu mħallsin mill-familjari.
17.1.8 Il-familja tal-mejjet imsieħeb għandha tavża lis-Segretarju Eżekuttiv mal-mewt tiegħu, biex tkun tista’ tieħu l-permess biex tagħmel użu ta’ wieħed mill-oqbra.
17.1.9 Il-qraba ta’ min jindifen fl-oqbra tal-Għaqda ma jkollhom l-ebda jedd jitolbu lill-Għaqda biex twaħħal jew tikteb xi ħaġa proviżorja jew permanenti dwar min ikun indifen.
17.1.10 Il-Kumitat Ċentrali ma jerfa’ l-ebda responsabbilta għal xi ħsara jew serq ta’ xi oġġetti li jista’ jsir minn fuq l-oqbra.
17.1.11 F’każ li xi familjari jridu jitrasportaw xi fdalijiet ta’ qraba mseħbin, l-ispejjeż iridu jiġu mħallsa kollha mill-familjari.
18. Jekk tinħall l-Għaqda
18.1 Din l-Għaqda ma tistax tinħall sakemm fiha membri skont ma tagħti l-liġi u li jriduha tibqa’ għaddejja mqar jekk f’xi Laqgħa Ġenerali l-maġġoranza tkun trid dan. Dawn il-membri għandhom jieħdu ħsieb huma biex jaħtru Kumitat ġdid u jsir kulma jkun meħtieġ u mitlub minn dan l-Istatut biex l-Għaqda tkompli.
18.2 F’każ ta’ xoljiment tal-Għaqda, ir-rigali u l-oġġetti kollha għandhom jitqiegħdu fil-pussess ta’ kuratur magħżul minn Laqgħa Ġenerali, bil-patt li jingħataw lura lill-Għaqda fil-każ li din terġa’ titwaqqaf. Id-dejn, jekk ikun hemm, jitħallas mill-bejgħ tal-għamara tal-każin. Jekk ikun hemm xi bilanċ, dan għandu jitqiegħed il-bank.
18.3 Jekk jinħatar Kumitat ġdid u jinżamm l-istess isem ta’ Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, il-flus u l-affarijiet kollha jinġiebu lura mill-bank u jitqiegħdu mill-ġdid taħt il-kustodja tal-Għaqda.
18.4 Jekk wara li jgħaddu għaxar (10) snin mix-xoljiment tal-Għaqda, din ma tkunx reġgħet twaqqfet, il-propjeta` kollha tinbiegħ, u flimkien mal-flus l-oħra li jkun hemm fil-banek, jitqassmu lill-Istituti foqra ta’ Ħaż-Żabbar u jinqasmu skont il-ħtieġa li jkunu jinsabu fih dak iż-żmien.
18.5 Kull propjeta`, kemm mobbli kif ukoll immobbli, iridu jiġu inventarjati minn persuna legali li tkun magħżula mil-Laqgħa Ġenerali mlaqqa’ apposta għal dan il-għan.
18.6 Kull propjeta`, kemm mobbli kif ukoll immobli, iridu jiġu stmati minn persuni professjonali qabel jinbiegħu u l-flus li jidħlu minnhom jinqasmu kif imsemmi f’Artiklu 18.4. Dawn il-persuni għandhom jiġu magħżula mill-Laqgħa Ġenerali mlaqqa’ għal dan il-għan u għal Artiklu 18.5.
19. Għeluq
19.1 Sabiex kull regolament f’dan l-Istatut ikun jista’ jiġi emendat, miżjud, imnaqqas jew imneħħi għal kollox, irid jiġi approvat minn żewġ terzi (⅔) tal-membri regolari u bandisti preżenti waqt Laqgħa Ġenerali.
19.2 L-interpretazzjoni finali u deċiżiva ta’ kulma jingħad f’dan l-Istatut hija responsabbilta` biss tal-Kumitat Ċentrali.
19.3 Fejn ma jitkellmux ir-Regolamenti, jiddeċiedi l-Kumitat Ċentrali skont iċ-ċirkostanzi.
19.4 Kopja ta’ dan l-Istatut għandha tiġi mogħtija lill kull membru sussidjarju, bandist jew student tal-mużika tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883.
TMIEM