Kien fil-festa ta’ Settembru tal-1981, meta fl-indirizz tiegħu, il-Kaxxier ta’ dak iż-żmien is-Sur Ġużeppi Barun, wera x-xewqa li fi ħdan il-Każin San Mikiel, titwaqqaf Fergħa Nisa. Komplew il-preparamenti għal dan il-għan u f’Mejju tas-sena 1982, ġew avviċinati s-sinjuri Mary Barbara, Mary Borg, Pauline Darmanin, Emanuela Fenech, Veronica Mumford u Grace Pace. Dawn is-sinjuri kienu ġew mitluba mill-President Dr. Grazio Ellul Galea, is-Segretarju s-Sur Frank Mumford u l-Kaxxier Ġużeppi Barun biex jgħinu ħalli titwaqqaf il-Fergħa Nisa. Dawn aċċettaw u wegħdu l-għajnuna sħiħa tagħhom għalkemm kienu għadhom mhux magħrufa uffiċjalment, għar-raġuni li ma kienx hemm biżżejjed membri biex tinħoloq Fergħa, għalhekk qabel tittieħed xi deċiżjoni, riedu javviċinaw l-uffiċjali rġiel.
Beda għaddej iż-żmien u dawn in-nisa bdew bil-ħidma tagħhom lejn il-każin u l-Kumitat. Bħala l-ewwel attivita´ li daħlu għaliha l-Fergħa Nisa kienet “L-Għodwa Flimkien’’ li kienet bdiet b’quddiesa tal-Mother’s Day, fejn in-nisa kienu pparteċipaw bi ħġarhom għal dan l-avveniment u taw is-sehem tagħhom ukoll. Wara kien sar xi bejgħ ta’ pjanti għall-okkażjoni. Komplew billi kienu jkunu preżenti għal xi ċerimonji tal-quddiesa, organizzaw tombla darba fil-ġimgħa ġewwa l-każin, jieħdu sehem f’xi korteo bħal tżl-Qalb ta’ Ġesu, kienu jagħmlu wkoll privates għal xi festi, ikun hemm il-preżenza tagħhom għal xi funeral, tindif tal-każin u ħafna okkażjonijiet oħra mħejjija mill-Kumitat.
F’dan il-perjodu, il-Kumitat Ċentrali kien avviċinahom biex għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi taċ-Ċentinarju fl-1883 jirregalaw bandalora. Bl-għajnuna tas-Sinjuri F. Mumford, Ġ. Barun u
J. Zerafa, wara ħafna taħbit u ġiri, kien inbeda l-proġett għall-bandalora, fejn id-disinn kien sar senza nteressi mis-Sur Mario Vella, membru tal-Kumitat Ċentrali u r-raġel ta’ Lucy Vella, li kienet parti mill-Fergħa Nisa. Saru wkoll l-kruċċetti u l-pumi bl-idea tas-Sur Jimmy Zerafa, li jissimbolizzaw l-arma mużikali flimkien mal-għajn ta’ San Mikiel. Ir-rakkmu fuq id-deheb u l-ħjata sar mis-Sinjura Giordimaina li kienet mis-Siġġiewi. Għall-għeluq il-festi taċ-Ċentinarju, dawn in-nisa xtaqu li jkollhom mitt (100) membru mara u bl-għajnuna t’Alla, dan il-għan kien intlaħaq għax sat-3 ta’ Settembru 1983 kellhom mitt mara membru mal-Fergħa Nisa, fejn kienu mistidnin għall-okkażjoni tal-ftuħ tal-każin fejn dakinhar ġiet rregalata l-bandalora. Kien wasal il-Ħamis 22 ta’ Settembru meta sar l-ewwel tesserament tal-Fergħa Nisa. Kien hemm bosta mistednin preżenti. Wara li l-Presidenta kienet għamlet kelmtejn tal-okkażjoni, tat l-ewwel rendikont ta’ attivitajiet tal-Fergħa u wara tbierket il-bandolora mill-Kappillan tal-Każin Dun Ġużepp Ellul, u wara ġie mogħti souvenir tal-okkażjoni.
Wara li ngħalqu l-festi taċ-Ċentinarju, kienet saret laqgħa mill-Kumitat Ċentrali komposta mill-Viċi President is-Sur Lawrence Buhagiar, is-Segretarju Vincent Buhagiar u l-Kaxxier Ġużeppi Barun u min-naħa tal-Fergħa Nisa kienu preżenti kollha u kien sar qbil bejniethom li l-Fergħa tibqa’ taħt il-Kumitat Ċentrali u kienu se jittieħdu pariri legali ħalli l-pożizzjoni tal-membri nisa jsiru bħal dawk tal-irġiel, fejn għall-mewt ta’ membru jew familjari, jitella’ ċoff jew bandiera mezz’asta, fi żwieġ ta’ membru tittella’ l-kuruna, għal ċerti deċiżjonijiet, il-Kumitat Ċentrali jkun infurmat u l-finanzi jaqgħu taħt il-Kaxxier tal-Għaqda. Il-Kummissjoni kienet sodisfatta ħafna kif bdiet titmexxa’ l-Fergħa u b’hekk kienet saret uffiċjali. B’hekk b’naqra sagrifiċċju, kienet għaddiet l-ewwel sena tagħhom u għalhekk kienet xoljiet biex tkun tista’ taħtar il-Fergħa Nisa għas-sena 1984. Kienet inħatret Presidenta Grace Pace, Viċi Presidenta Veronica Mumford, Segretarja Mary Buhagiar, Assistenta Segretarja Joyce Muscat, Kaxxiera Mary Barbara, Assistenta Kaxxiera Polly Darmanin, Organizzatriċi Mary Borg u membri Doris Barbara u France Vella.
Minn hemm ‘il quddiem, il-Fergħa Nisa, baqgħet dejjem tħares ‘il quddiem u tikber u f’dawn is-snin mit-twaqqif tagħha, għamlet bosta affarijiet biex tgħin u ssebbaħ il-każin.
Fosthom nsibu :-
F’Ottubru tal-1984 ħarġet Lm100 (€233) ghall-istatwa ta’ San Mikiel,
Fl-1985 saru l-antiporta u l-poġġaman tal-każin, b’nefqa ta’ Lm610.84c (€1423.26);
Fl-1987 inxtrat il-linfa tal-kamra tal-Kumitat b’nefqa ta’ Lm600 (€1398);
Fl-1988 /1989 ingħatat donazzjoni ta’ Lm300 (€700) għall-festa;
Fl-1990 saru l-purtieri tas-sala fejn id-drapp ġie mgħoti bħala donazzjoni u spejjeż saru min-Nisa. Inbeda wkoll għall- ewwel darba bħala għajnuna fil-ġbir bieb bieb. Ingħatat donazzjoni ta’ Lm150 (€349.50) għall-festa;
Fl-1992 ingħatat donazzjoni ta’ Lm100 (€233) għall-festa;
Fl-1993 ingħatat donazzjoni ta’ Lm60 (€139.80) lill-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti għall-gallarija tal-każin;
Fl-1994 f’Jannar saret attivita’ flimkien mal-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti għall-fondi tas-sala tal-każin. Sar is-suffet għall-kamra tal-Kunċerti b’nefqa ta’ Lm374 (€871.42). Kellna l-opportunita’ li nidħlu soċi bi drittijiet daqs l-irġiel, fejn l-ewwel soċi kienu Doris Barbara, Grace Buhagiar, Doris Spiteri, M’Lourdes Buhagiar, Theresa Micallef u Ġuża Barun. Saret ukoll laqgħa flimkien mal-Fergħa Nisa tal-MMG. Ħadna wkoll sehem fl-għeluq il-50 sena anniversarju taż-żwieġ ta’ Ġużeppi Barun;
Fl-1995 saru l-linef u l-purtieri tal-Kappella tal-każin bi spiża ta’ Lm100 (€233);
Fl-1996 ingħataw Lm400 (€932) għall-pittura tal-erba’ Evanġelisti għall-Kappella tal-każin;
Fl-1997 ingħataw Lm280 (€652.40) għall-pittura tal-Kappella. F’din is-sena, laħqet l-ewwel mara fil-Kumitat Ċentrali, is-Sinjura Doris Barbara bil-kariga ta’ Assistenta Kaxxiera, kariga li żammet għal għaxar snin sħaħ;
Fl-1998 ingħataw fondi bħala għajnuna f’pagamenti għall-post f’Misraħ is-Sliem. Ingħataw ukoll Lm450 (€1048.50) għall-pittura tan-niċċa ta’ San Mikiel fil-każin;
Fl-1999 l-attivitajiet tax-xahar ta’ Diċembru marru għall-każin għall-festi tal-Millenju. Ingħataw self ta’ flus għall-maħżen Ommna tal-Grazzji flimkien mal-Kummissjonijiet l-oħra. Saru l-purtieri għall-kamra tal-kunċerti bi spiża ta’ Lm52 (€121.16);
Fl-2000 ingħatat donazzjoni ta’ Lm300 (€700) għall-festa;
Fl-2001 saru l-ingravajjet, spalletti, u faxex tal-brieret b’ammont ta’ Lm1250 (€2912.50);
Fl-2002 fil-Kumitat Ċentrali, Elysia Cohen nee Barbara, inħatret bħala l-iżgħar membru mara b’kariga ta’ Assistenta Segretarja;
Fl-2003 saru l-purtieri tal-kamra tal-Kumitat bi spiża ta’ Lm50 (€116.50);
Fl-2005 ġie rregalat strument għas-somma ta’ Lm950.50 (€2214.67). Ingħataw Lm20 (€46.60) fix-xahar għall-post ta’ Miller;
Fl-2006 l-attivitajiet ingħataw lill-Kumitat bħala għajnuna għall-post. Saru l-badges u l-armi għal fuq il-ġlekkijiet u tie bands;
Fl-2007 saru l-wirjiet fil-propjeta’ tal-każin u x-xelter fosthom tal-Ġimgha l-Kbira u baqgħu jsiru kull sena dejjem fuq livelli ogħla;
Fl-2008 irregalat lill-Għaqda bandalora artistika flimkien mal-kummissjonijiet l-oħra f’għeluq il-125 Sena mit-twaqqif tal-Għaqda;
Fl-2010 ingħatat is-somma ta’ €400 flimkien mal-Kummisjonijiet l-oħra biex inxtraw imwejjed u siġġijiet ġodda għall-bar area tal-każin.
Illum-il ġurnata, il-Fergħa Nisa tikkonsisti minn 8 membri li huma: Chairwoman: Doris Barbara, Segretarja: Josianne Scerri, Kaxxiera: Rita Busuttil, Membri: Ruth Mizzi, Elysia Cohen, Consiglia Grech, Rita Schembri u Rosianne Curmi. Bħala xogħol, baqa’ jsir ħafna, fejn ħafna mix-xogħol li sar imsemmi aktar ‘il fuq u għad hemm xogħol li minn sena għal ohra baqa’ jkun fil-kalendarju tal-Fergħa Nisa, biex jibqgħu jwettqu l-wegħda li kienet saret aktar minn 30 sena ilu, dik li jgħinu u jagħtu s-sehem tagħhom lejn il-każin. Tant huwa hekk, li qed jidħlu bil-ħerqa u ħeġġa għal ċerti sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Illum-il ġurnata, il-Fergħa Nisa, hija l-moħħ u l-qalb wara l-bidu, u maż-żmien l-organizzazjoni, tal-Attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, jiġifieri il-Paegant tal-ftuħ tal-Wirja, il-Wirja fix-Xelter li hemm quddiem il-każin tal-Għaqda tagħna u l-attivita’ ta’ Ħamis ix-Xirka fil-pjazza ta’ quddiem il-każin. Bdejna prattikament mix-xejn u maż-żmien bnejna, xtrajna u ħitna dak kollu li hemm bżonn biex illum-il ġurnata, din il-Wirja wassalniha fuq livelli għoljin ma’ Malta. Illum-il ġurnata, saru parti integrali mill-kalendarju tal-attivitajiet u kif ukoll laħqu l-popolarita’ tagħhom maż-Żabbarin. J’Alla maż-żmien din l-attivita’ tkompli tissaħħaħ ukoll, grazzi anke għas-sapport li nsibu mill-Kumitat Ċentrali.
F’dawn l-erbgha kelmiet tajt taghrif ta’ kif bdiet il-Fergha Nisa, minn kien il-mohh warajha biex tinbena u tax-xoghol li taghmel bhala Fergha u minn hawn niehu l-opportunita’ nirringrazzja ‘l dawk il-membri li llum m’ghadhomx maghna biex niccelebraw dan l-anniversarju imma nghajdilhom li huma jibqu dejjem fil-qalb taghna u tal-Fergha Nisa u nawguralhom il-mistrieh ta’ dejjem, u nixtieq nirringrazza wkoll lil dawk il-membri kollha li f’xi zmien ghamlu parti mill-Fergha taghna u fl-ahhar u mhux l-inqas, lil Kumitat ta’ l-1983 u l-Kumitat prezenti nghidilkom Grazzi mill-qalb ta’ kollox. Tistghu issibuna :
Fergħa Nisa 2011 – 2012
Chairperson – Doris Barbara
Segretarjau – Josianne Scerri
Kaxxiera – Rosianne Curmi
Uff. Relazzjonijiet Pubblici – Julie Agius
Membri – Elysia Cohen
Consiglia Grech
Rita Schembri
Facebook :
Fergha Nisa : http://www.facebook.com/profile.php?id=100002086719085
Pagna tal-Gimgha Mqaddsa : http://www.facebook.com/group.php?gid=289319186147