L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, magħrufa bħala “Tal-Bajda” twaqqfet biex tkattar l-arti u l-kultura mużikali ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-kulur uffiċjali tal-Għaqda huwa l-kulur aħdar u l-Patruna tal-Għaqda hija l-Patruna ta’ Ħaż-Żabbar – il-Madonna tal-Grazzja, fejn tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja li tiġi ċċelebrata l-ewwel ħadd fuq il-Vitorja; filwaqt li l-Banda hija mħarsa mill-Arkanġlu San Mikiel wara d-devozzjoni antika li missirijietna minn dejjem kellhom lejn dan l-Arkanġlu Prinċep tas-Sema u l-Għaqda torganizza festa oħra sekondarja f’ġieħ San Mikiel ġimagħtejn wara dik Titulari.
Sa fejn hu magħruf, sa minn snin qabel it-twaqqif uffiċjali ta’ din il-Banda fl-1883 bl-isem ta’ Societa` Filarmonica Del Zabbar, Mro Carmelo Abela Scolaro kien ġa ġabar xi żgħażagħ propju mill-Misraħ, fejn sal-lum għadu jiddomina s-sede tal-Għaqda, u beda jgħallimhom il-mużika. Dan kien għall-ħabta tal-1870 u dawn kienu mlaqqmin bħala d-“Dilettanti tal-Misraħ”. Iż-żmien għadda u l-Għaqda evolviet maż-żmien, biddlet isimha minn dak oriġinali ddedikat lil Ħaż-Żabbar għal Għaqda Mużikali San Mikiel taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja, għal dak li huwa illum. Biddlet ukoll diversi postijiet minn fejn operat, imma baqgħet dejjem leali lejn il-post fejn il-baned Żabbarin jafu l-oriġini tagħhom – Misraħ is-Sliem. Aktar informazzjoni fuq dan kollu wieħed jista’ jsibu fis-sezzjoni Storja.
L-għanijiet ewlenin huma t-tagħlim tal-mużika u s-sehem fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja. Din l-Għaqda toffri servizz mill-aqwa fil-gżejjer Maltin għat-tagħlim tal-mużika u preżentament għandha diversi allievi taħt il-gwida ta’ żewġ għalliema tal-ogħla livell li huma wkoll frott ta’ din il-Banda. L-għalliem tas-sezzjoni strumenti tal-injam u tal-qasba huwa s-Surmast Direttur stess David Agius, filwaqt li l-għalliem tas-sezzjoni strumenti tar-ramm huwa s-Sur Carlos Borg. Il-Banda San Mikiel hija waħda minn dawk ewlenin fil-gżejjer Maltin u tellgħet diversi kunċerti f’bosta okkażżjonijiet tista’ tgħid madwar Malta u Għawdex kollha u saħansitra barra minn xtutna għal disa’ darbiet, biex ma nsemmux ir-rebħ kontinwu tal-Gara Mużikali organizzata mill-Għaqda Każini tal-Banda. Aktar informazzjoni fuq dan kollu issibuh fis-sezzjonijiet Il-Banda u Safar.
Barra s-sehem tal-Għaqda fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja u fil-Festa tal-Arkanġlu San Mikiel, din l-Għaqda hija attiva ferm fil-kalendarju kulturali ta’ Ħaż-Żabbar għax tista’ tgħid li f’kull okkażjoni matul is-sena kollha torganizza attivitajiet soċjali għall-ġid tal-poplu Żabbari kollu. Biżżejjed wieħed isemmi l-wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u tal-Milied, kunċerti u servizzi f’okkażjonijiet u anniversarji importanti u marċ li jilqa’ l-bidu ta’ kull sena fost ħafna oħrajn. Dan bis-sehem tal-Kummissjonijiet kollha fi ħdanha u ta’ membri, partitarji u voluntiera ma jaqtgħu xejn. Ta’ min wieħed isemmi wkoll ix-xogħol kbir li sar u li għadu qed isir biex is-sede tal-Għaqda jiġi mmodernizzat u mkabbar biex jaqdi l-ħtiġijiet taż-żmenijiet tal-lum. Aktar informazzjoni fis-sezzjoni Proġetti.
Għal aktar informazzjoni jew trid tagħmel kuntatt mal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, żur is-sezzjoni Kuntatti.