Matul iż-żminijiet, il-Banda San Mikiel kellha ħafna okkażjonijiet biex issemma’ leħinha, tista’ tgħid madwar il-gżejjer Maltin kollha. Iżda mhux biss! Kienu diversi l-pajjiżi li fihom ġiet mistiedna l-banda biex tagħti s-servizz mużikali tagħha. Sal-lum, hija l-unika banda Żabbarija li waslet biex tittimbra l-passaport tagħha biex turi t-talenti tagħha fuq livell internazzjonali.
Id-Disa’ Safriet tal-Banda San Mikiel:
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ħalliet xtutna għal diversi drabi dawn l-aħħar snin biex għolliet l-isem tagħha u ta’ Ħaż-Żabbar fuq l-ogħla pedestall billi tat is-sehem tagħha fil-qasam mużikali u kulturali internazzjonali. Ta’ min wieħed jinnota li l-Banda San Mikiel hija l-unika banda Żabbarija li daqqet lil hinn mill-Gżejjer Maltin. Fil-qosor se nagħtu ttwila lejn il-pajjiżi, festi, kompetizzjonijiet u tagħrif ġenerali ieħor ta’ fejn marret iddoqq il-Banda tagħna.
L-Ewwel Safra: Provinċja ta’ Catania, Tre Castagni fi Sqallija għall-Festa tat-tliet aħwa Qaddisin Martri San Alfio, San Cirino u San Filadelfio.
Dati: mis-7 sat-12 ta’ Mejju 1991
Il-Banda San Mikiel tellgħet tliet Programmi Mużikali u diversi marċi mat-toroq tal-villaġġ Tre Castagni.
It-Tieni Safra: Agrigento fi Sqallija għall-Festival Mandorlo in Fiore.
Dati: mis-6 sat-13 ta’ Frar 1994
Il-Banda San Mikiel għamlet diversi marċi u Programm Mużikali viċin it-tempju Della Concordia.
It-Tielet Safra: Wara s-suċċess miksub ġewwa Agrigento ġo Sqallija, il-Banda San Mikiel reġgħet ġiet mistiedna fl-istess Belt (Agrigento).
Dati: mit-3 sa l-10 ta’ Frar 1995
Għal darb’oħra, il-Banda San Mikiel għamlet diversi marċi u Programmi viċin it- tempju Della Concordia.
Ir-Raba’ Safra: Ruma u Fornavo Taro f’Parma ġewwa l-Italja.
Dati: mid-29 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju 1996
Il-Banda San Mikiel irreġistrat wieħed mill-avvenimenti li ċertament se jibqa’ mmarkat b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Għaqda tagħna. Dan għaliex il-Banda tagħna kellha udjenza mal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II fis-Sala Nervi ġol-Belt tal-Vatikan. Il-President tal-Għaqda ta’ dak iż-żmien is-Sur Lawrence Buhagiar, flimkiem mal-ex Kappillan Dun Kalċidon Vassallo, ippreżentaw xbiha tal-Madonna tal-Grazzja lill-Papa. Wara, il-Banda daqqet l-Innu tal-Papa u l-Innu Nazzjonali Malti. Wara nofsinhar tlaqna għall-Belt ta’ Parma fejn il-Banda tellgħet żewġ Programmi Mużikali b’suċċess kbir.
Fuq stedina tal-Kumitat tal-Ghaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ta’ dak iż-żmien, il-Banda ‘Di Fornovesa’ ta’ Parma tat is-servizz tagħha fil-Festa tal-Madonna tal-Grazzja nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru 1996. Dakinhar kien Jum il-Festa u filgħaxija, din il-Banda mistiedna daqqet diversi marċi minn Triq is-Santwarju sas-sede tal-Għaqda, fejn wara esegwiet Program Mużikali f’Misraħ is-Sliem quddiem il-Każin.
Il-Ħames Safra: Ateni, Belt Kapitali tal-Greċja.
Dati: mill-10 sas-17 ta’ Ottubru 1997
Il-Banda San Mikiel tellgħet diversi marċi mal-belt ta’ Ateni li paxxew il-widna ta’ dawk kollha preżenti. Il-Griegi apprezzaw ferm il-livell għoli ta’ mużika u dixxiplina ta’ din il-banda popolari Żabbarija.
Is-Sitt Safra: Belt ta’ Monastir ġewwa t-Tuneżija.
Dati: mill-21 sat-28 ta’ Ġunju 1998
Il-Banda tat is-sehem tagħha b’diversi marċi u Programmi Mużikali fil-Belt ta’ Monastir fejn l-attendenza għalihom kienet waħda numeruża sew.
Is-Seba’ Safra: Belt ta’ Lugano, Svizzera.
Dati: mid- 29 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2000
Il-Banda San Mikiel għamlet diversi Programmi Mużikali u marċi ġewwa dil-Belt sabiħa Svizzera, Lugano. Kien ta’ unur u prestiġju kbir għall-Banda tagħna li ġejna mistiedna biex nieħdu sehem għall-Festa Nazzjonali tal-Indipendenza ta’ Lugano.
It-Tmien Safra: Festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, Provincja ta’ Palazzo Acriede, Sqallija.
Dati: mit-30 ta’ Settembru sas-6 ta’ Ottubru 2004
Il-Banda tagħna daqqet diversi marċi mat-toroq ta’ din il-belt, fejn akkumpanjat ukoll il-Purċissjoni ddedikata lill-Patrun tal-Banda San Mikiel.
Id-Disa’ Safra: Provincja ta’ Rybnic, Polonja.
Dati: Mit-8 sal-15 ta’ Ġunju 2005
Il-Banda San Mikiel daqqet diversi marċi u Programmi Mużikali ma’ għadd ta’ baned mistiedna oħra minn madwar id-dinja. B’kollox kien hemm għaxar baned u fil-festival li ġie organizzat, kien ta’ unur u soddisfazzjon immens għalina li ġejna kklasifikati fit-tieni post. Ċertament li din kienet okkażjoni oħra fejn l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel għolliet mhux ftit isem Beltna Hompesch. Aktar minn hekk, apparti isem Ħaż-Żabbar, din id-darba rnexxielna wkoll intajru fl-għoli l-bandiera għażiża tagħna l-Maltin.