Profil Bandist tal-Post

 

Matthew Grech Dip.LCM

Matthew Grech, iben Michael u Maria Grech, twieled fl-1 ta’ Diċembru tas-sena 1988. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, fil-liċeo Verdala ta’ Bormla, kif ukoll attenda l-istituzzjoni tal-M.C.A.S.T tan- Naxxar fejn ħa t-taħriġ bħala Draughtsman. Fil-preżent huwa jokkupa din il-kariga ma’ Valerio Schembri Project Works Ltd.

Beda t-tagħlim mużikali ta’ 7 snin ġewwa l-iskola tal-Mużika “Johann Strauss” il-Belt Valletta, fejn wara sentejn ta’ introduzzjoni għadda taħt idejn is-Surmast J. Agius. Fl-istess waqt huwa beda t-tagħlim tiegħu mal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, taħt l-għalliem tar-ram is-Surmast Lawrence Bonnici u iktar tard taħt iż-żagħżugħ Surmast Dennis Camilleri, fejn għażel il-kurunetta bħala l-instrument tiegħu. Huwa ħareġ idoqq f’Korpus tas-sena 2001 mal-istess għaqda taħt t-tmexxija għaqlija tas-Surmast David Agius. Din kienet l-istess sena meta f’ħaż-Żabbar saru ċ-ċelebrazzjonijiet kbar sabiex tiġi mfakkra l-50 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari. Għalhekk din is-sena taħbat l-10 sena tiegħu ta’ servizz mal-banda tagħna.

Fl-iskola tal-Mużika “Johann Strauss” Matthew Grech avvanza fit-tagħlim, sew fit-teorija kif ukoll fil-prattika, fejn kiseb riżultati tajbin ħafna fl-eżamijiet minn gradi primarji sa dawk avvanzati. Kien f’dan iż-żmien li ddeċieda li jkompli javvanza fil-karriera tiegħu fit-teorija tal-mużika għand is-Surmast Ray Sciberras u għall-prattika għand is-Surmast Paul Buttigieg. Taħt dawn iż-żewġ surmastrijiet huwa irnexxielu jikseb riżultati tajbin kemm mil-London College of Music kif ukoll mir-Royal School of Music.

Matthew kompla javvanza fl-istudji tiegħu fejn kiseb d-diploma Dip.LCM bil-għajnuna siewja tas-Surmast Paul Buttigieg. Wara dan il-pass huwa ddeċieda li jikkomponi l-ewwel marc tiegħu għall-banda San Mikiel, fejn ġie irrekordjat fuq CD tal-marċi ġodda tas-sena 2008. Dan il-marċ jismu “Andrelo”, isem li jfakkru fin-nanniet tiegħu. B’dan il-marċ huwa tela’ l-ewwel tarġa fil-kompożizzjoni. Madanakollu dan kien biss il-bidu. Kompla jikteb diversi marċi fosthom il-marċ “Al Cubo” fis-sena 2010 fl-okkażjoni tar-rebħa unika tat-Treble tat-Tim tal-futbol Taljan Inter, li jinsab għand l-Għaqda Mużikali Trinita’ Qaddisa tal-Marsa, u l-marċ “Kummissjoni Planċier”, b’dedika lil din l-istess kummissjoni tal-ħidma siewja li qed tagħmel fi ħdan l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, li nħareġ proprju fil-festa ta’ din is-sena.

Waħda mill-aqwa esperjenzi fil-qasam mużikali għal Matthew Grech kienet it-tmien safra li l-Banda San Mikiel għamlet ġewwa l-Provinċja ta’ Palazzo Acriede, Sqallija għall-istess festa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Barra minn hekk kellu diversi esperjenzi personali fil-qasam tal-mużika. Fl-2009 għall-Programm tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’ħaż-Żabbar daqq s-silta “Wonderland By Night” bħala solista, is-silta “Buglar’s Holiday” fil-Programm tal-festa ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop fis-sena 2010, fl-istess sena daqq is-silta “Spanish Trumpet” fil-Programm ta’ 90 sena anniversarju tal-Partit Laburista u riċentament “Trumpet Wilds” li ndaqqet fil-Programm tal-Milied imtella’ mill-Banda San Mikiel ġewwa ħaż-Żabbar kif ukoll fil-Programm tal-festa ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop tas-sena 2011.

Matthew għandu għal qalbu din l-arti universali tal-mużika. Fil-preżent qed ikompli javvanza fl-istudji tiegħu regolarment taħt is-Surmast Paul Buttigieg. Matul is-sena kollha huwa jagħti sehmu f’diversi programmi li jittellgħu minn diversi baned madwar Malta u Għawdex. Preżentament huwa membru fil-“Brass Band” iffurmata mis-Surmast Ugo Buhagiar, fejn jagħti sehmu f’bosta attivitajiet ta’ kultura. Is-sagrifiċċju, d-dedikazzjoni u l-irġulija huma fatturi tas-suċċess li kiseb sal-llum Matthew Grech u żgur li ser ikompli jimxi magħhom bħala gwida fil-mixja mużikali tiegħu.

                Barra minn hekk Matthew Grech jagħti l-kontribut tiegħu fil-każin tal-għaqda tagħna mhux biss f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-banda iżda ukoll billi għal dawn l-aħħar sentejn daħal bħala membru fil-Kumitat Ċentrali tal-istess għaqda.

 

 

 

Din il-paġna tinbidel kull xahar.