Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru ta’ 35 sena ilu, fis-sena 1975, seħħ inċident gravi fuq beltna Hompesch li seta’ kellu konsegwenzi ħafna aktar traġiċi milli fil-fatt seħħu. Dan meta ajruplan bomber Vulcan XM645 tar-Royal Air Force kkraxxja fuq Ħaż-Żabbar wara attentat ta’ nżul ħażin fl-Ajruport ta’ Ħal-Luqa wara titjira minn RAF Waddington. Il-pilota niżel ħażin fuq ir-runway u ħa tisbita qawwija li sarrfet fi ħsarat fil-magni. Huwa reġa’ tar biex jipprova jdur mal-gżira u jinżel kif suppost. Imma l-ħsara kienet wisq u żvillupaw ħsarat fil-magni biex wasslu lill-Vulcan jiġġarraf u jikkrexxja eżattament fuq Ħaż-Żabbar. Skont l-Arkivji Nazzjonali ta’ Kew, dan l-inċident kien wieħed li seta’ jiġi evitat faċilment u l-kaptan instab li kien negliġenti fl-immaniġjar tiegħu tal-Vulcan. Huwa flimkien mal-ko-pilota rnexxilhom jaħarbu minn ħalq il-mewt billi qabżu mill-ajruplan mument biss qabel ikkraxxja. Mhux l-istess fortuna misset lill-5 membri l-oħra tal-ekwipaġġ li ħallsu b’ħajjithom in-negliġenza tal-pilota.
Barra l-ħames vittmi tal-ekwipaġġ, dan l-inċident ħalla vittma waħda biss Żabbarija. Il-vittma sfortunata kienet Vinċenza Zammit ta’ 48 sena, li dak il-ħin inzertat kienet fi Triq is-Santwarju tagħmel ix-xirja tagħha u ġiet milquta minn blokki li waqgħu mill-ajruplan. Ħafna għadhom sal-ġurnata tal-lum jiskantaw kif inċident diżastuż bħal dak ħalla vittma lokali waħda biss, filwaqt li dawk li sofrew xi ġrieħi kienu madwar 20. Il-kraxx tal-Vulcan ħalla ħerba sħiħa ġo Ħaż-Żabbar, bi Triq is-Santwarju u l-inħawi l-aktar li kienu milquta. Diversi djar iġġarrfu waħda u sew u biċċiet tal-ajruplan għadek issibhom ġo bosta djar taż-żona, ġo l-iskola primarja u wirja bil-fdalijiet ġol-Mużew tas-Santwarju. Bil-ħerba li kien hawn, ħafna nies madwar dawn il-gżejjer stqarrew li dan kien tassew miraklu li ma kienx hawn ħafna aktar vittmi, ukoll meta tqis li fil-ħin tal-inċident it-tfal tal-iskola kienu kollha miġburin fil-bitħa għall-brejk tagħhom.
Iż-Żabbarin sa mill-eqdem żminijiet kienu devoti tal-Madonna tal-Grazzja, u ħafna nies iddeskrivew dik li faċilment setgħet tkun traġedja bħala grazzja kbira li l-Madonna għoġobha tagħti lill-poplu Żabbari. Bħala ringrazzjament, saret purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja madwar it-toroq Żabbarin. Ċertament li dawk li esperjenzaw dan l-avveniment tal-biża’ jirringrazzjaw lill-Madonna kull ħin u mument, u dawk bħali li kienu għadhom lanqasbiss twieldu 35 sena ilu, xorta waħda grati mmens lejha talli żamment il-mant tagħha fuq l-għeżież tagħna. Wara 35 sena, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel issellem il-memorja tal-unika vittma Vinċenza Zammit.
Grazzi Madonna tal-Grazzja talli pproteġejt lill-Belt Hompesch 35 sena ilu u nitolbuk tibqa’ żżommna dejjem fil-grazzja tiegħek.