L-ewwel funzjoni reliġjuża tas-sena fil-parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, issir f’Ħadd in-Nies. Ħafna nies jaħsbu li din il-funzjoni oriġinat mill-Karnival, minħabba li jaħbat immedjatament warajh, u mhux ftit jaħsbu, għalhekk, illi beda madwar l-1535 meta l-kavallieri introduċew il-Karnival f’Malta. Fir-realta’ Ħadd in-Nies huwa wisq eqdem mill-
Karnival. Sa minn żmien twil qabel ma ġew il-Kavallieri Malta ta’ kull nhar ta’ Erbgħa għadd kbir ta’ nies minn kull rokna ta’ Malta kienu jżuru s-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar biex iqimu l-Madonna u jitolbuha taqlagħlhom xi grazzja. Il-konkorrenza tan-nies kienet tiżdied ħafna fl-Erbgħat tar-Randan b’mod speċjali fl-ewwel Erbgħa u ħafna kienu jħallu għal din l-okkażżjoni l-offerti li kienu jagħmlu lis-Santwarju. Biż-żmien din id-devozzjoni bdiet issir fl-ewwel Ħadd minnflok fl-ewwel Erbgħa u għalhekk dan il-jum ħa l-isem ta “Ħadd in-Nies”. Meta ġie ntrodott il-Karnival, dawk li kienu jikkommettu xi nuqqasijeit fil-ġranet tal-bluha tal-karnival bdew imorru wkoll iżuru l-Madonna bħala penitenza u tpattija għal dawn in-nuqqasijiet. Għal xi żmien, Ħadd in-Nies, minn jum ta’ devozzjoni u ta’ penitenza sar jum ta’ xalar u sar karnival ieħor sakemm il-Kappillan Catania fl-1926 irnexxielu jerġa jbiddlu f’jum ta’ devozzjoni bl-introduzzjoni ta’ pellegrinaġġ li fih bdew jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned Żabbarin. Kienet ukoll saret magħrufa bħala tal-Grazzja ż-Żgħira. Fl-1980 beda jsir pellegrinaġġ għas-Santwarju miż-żoni parrokkjali, mmexxi mill-Arċisqof.