Il-Festa ta’ San Mikiel, wara dik tal-Madonna tal-Grazzja kienet u għadha fost l-attivitajiet ewlenin tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel. Ir-rabta bejn it-twaqqif u l-għazla ta’ San Mikiel bhala Protettur tagħha jixhdu l-intimita’ qaddisa u soċjali kif ukoll id-devozzjoni qawwija li minn sekli qabel kienu ilhom iħeġġu fil-qlub ta’ ħafna Żabbarin.Sa l-ewwel snin tas-sittinijiet ta’ dan is-seklu San Mikiel Arkanġlu kellu żewġ festi matul is-sena. Nhar it-8 ta’ Mejju l-Knisja kienet tfakkarna fid-“Dehra ta’ San Mikiel Arkanġlu” u fid-29 ta’ Settembru fid-“Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Mikiel Arkanġlu”. Minn wara l-Konċilju Vatikan II, li nfetaħ formalment nhar il-11 ta’ Ottubru, 1962 mat-tneħħija u t-tibdil ta’ festi oħra, tneħħiet ukoll tad-“Dehra” fit 8 ta’ Mejju.Sal-bidu ta’ dan is-seklu l-festa ta’ San Mikiel kienet issir b’solennita’ u pompa mill-aqwa. Kien hemm piki kbar bejn il-festi tal-protetturi taż-żewġ soċjetajiet filarmonici. Minhabba f’ hekk kienet tbati l-festa titulari tal-Madonna tal-Grazzja. Kien il-Kappillan Dun Leopoldo Farrugia għall-ħabta tas-sena 1901, li ddeċieda li għandu jkun hemm trazzin u limiti għaż-żewġ festi sekondarji ewlenin ta’ San Mikiel u tal-Madonna tad-Duttrina biex b’hekk terġa tibda tingħata aktar
importanza il-festa titulari ta’ Ħaż-Żabbar dik tal-Madonna tal-Grazzja.
Fl-1973 il-kappillan Giuseppe Zarb talab lill-kumitat tal-Banda San Mikiel sabiex minn din is-sena fil-festa ta’ San Mikiel ma tibqax toħroġ il-purċissjoni. Għalhekk il-kumitat iddeċieda li jibqa jagħmel il-festa ta’ barra bħas-soltu u dwar il-purċissjoni jħalli f’idejn il-kappillan. L-aħħar li ħarġet il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Mikiel kien f’Settembru tal-1973. Fl-1976 tfaċċa moviment biex terġa tibda ssir il-purċissjoni iżda dawn l-isforzi kollha kienu bla suċċess. Wara dan id-diżappunt, il-partitarji numeruzi tal-Banda San Mikiel bdew jiġbru sabiex tinħadem statwa ġdida ta’ San Mikiel li takkumpanjaha il-Banda flimkien mal –poplu. Din l-istatwa ġiet maħduma mill-istatwarju l-Kav. Alfred Camilleri Cauchi. L-istatwa l-ġdida ta’ San Mikiel tlestiet u żżanżnet nhar il-festa ta’ San Mikiel, 30 ta’ Settembru 1984. Fis-sena ta’ wara żżanżnu il-pedestall u bradella artistiċi għal taħtha. Is-Sur John Galea, li kien membru tal-kumitat, iddisinja u hadem il-bradella. Kellu l-għajnuna tas-Sur Johnny Abela. Is-Sur Francis Dingli, ex-bandist, ħallas il-pedistall u s-Sur Tony Grech offra l-erba’ lasti. Il-pedistall ħażżu u ħadmu l-Kav. Alfred Camilleri Cauchi.
Illum il-ġurnata minkejja kull sforz kuntrarju, il-festa ta’ San Mikiel, għadha tiġi ċċelebrata mill-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel żewġt Iħdud fuq il-festa titular. Dan isir permezz ta’ marċ brijjuż bis-sehem tal-Banda San Mikiel u bl-istatwa artistika ta’ San Mikiel Arkanġlu fost il-parteċipazzjoni numeruża tal-partitarji Bajdisti.