Programm Festi Interni 2011
Il-Ħamis 1 ta’ Settembru
6.00pm: Bi tħejjija għall-Festa, se ssir ċelebrazzjoni penitenzjali fis-Santwarju, b’konfessuri barranin. Tajjeb li f’din il-festa nħallu l-grazzja ta’ Alla taħdem fina, għalhekk importanti li nibdew billi nfittxu l-maħfra u l-paċi mingħand il-Mulej fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, is-sagrament li jħalli fina ħafna frott spiritwali.
7.00pm: Quddiesa bil-parteċipazzjoni tar-reffiegħa tal-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja, membri tal-Għaqda tal-Armar u tal-helpers li jgħinu fil-festa. Il-quddiesa tiġi ppreseduta mir-Reverendu Dun Ġużepp Ellul, Viċi Kappillan fil-parroċċa tagħna.
7.45pm: Iż-żewġ soċjetajiet mużikali jdoqqu flimkien innijiet Marjani; jibdew minn Misraħ is-Sliem, jgħaddu minn Triq il-Kbira għal Triq is-Santwarju.
8.00pm: Flimkien nagħtu bidu għall-Festa f’ġieħ il-Madonna tal-Grazzja b’ċelebrazzjoni Marjana quddiem is-Santwarju. Il-Vara tal-Madonna tal-Grazzja toħroġ fuq iz-zuntier u tiġi mbierka wara tindif u restawr li sar fuqha. Din iċ-ċelebrazzjoni Marjana tkun akkumpanjata minn innijiet Marjani u kant.
Ġranet tan-Novena mill-Ġimgħa 2 ta’ Settembru sas-Sibt 10 ta’ Settembru
Il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru
Is-Saċerdozju – Ministeru li Jqaddes
Is-saċerdot hu meħud minn fost il-bnedmin għall-qadi tal-istess bnedmin – dan juri li s-saċerdot ma jsirx saċerdot għalih innifsu imma għall-oħrajn. B’għotja tiegħu innifsu s-saċerdot mhux biss jitqaddes hu imma jqaddes ukoll lil dawk li jiġu afdati taħt il-kura tiegħu, mill-istess knisja. L-istil ta’ ħajja tas-saċerdot irid ikun jixbaħ il-mod ta’ kif għexet ommna Marija; hi tqaddset billi għexet is-sejħa tagħha b’fedelta` u fl-istess ħin qaddset lil ta’ madwarha; għalhekk is-saċerdot għandu jżomm lil Marija bħala l-mudell uniku tiegħu, ta’ kif jgħix is-sejħa tiegħu.
5.00pm: Jibda korteo li jakkumpanja lis-saċerdot novell Reverendu Dun Stephen Magro mid-dar tiegħu fi Triq il-Qoton sas-Santwarju. F’dan il-korteo jieħdu sehem iż-żewġ baned Żabbarin.
6.30pm: Dun Stephen Magro jmexxi quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għad-don tas-Saċerdozju. Wara l-quddies, huwa jixtieq jistieden lil kulħadd għar-riċeviment fi Pjazza Medjatriċi.
Is-Sibt 3 ta’ Settembru
Jum l-Adoloxxenti u ż-Żgħażagħ – Marija ż-Żagħżugħa ta’ dejjem
5.00pm: Quddiesa bil-liturġija tat-23 Ħadd ta’ matul s-sena.
6.10pm: Kurunella
6.15pm: Quddiesa preseduta minn Reverendu Dun Luke Seguna, viċi Kappillan fil-parroċċa tagħna. Il-quddiesa tkun animata bill-kant minn grupp ta’ żgħażagħ fil-parroċċa. Iż-żgħażagħ kollha huma mħeġġa biex jieħdu sehem f’din l-Ewkaristija.
Il-Ħadd 4 ta’ Settembru
Tifkira tas-60 Sena Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari
6.00am, 7.15am, 8.30am, 10.15am, 11.30am: Quddies tat-23 Ħadd ta’ Matul is-Sena.
10.00am: Pellegrinaġġ tar-Roti għat-tfal. Jitlaq minn quddiem il-Knisja ta’ San Ġakbu fix-Xgħajra u nimxu fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar; ngħaddu wkoll minn quddiem il-Knisja tas-Salib Imqaddes, ħdejn il-Kappella ta’ Marija Bambina u minn quddiem il-Knisja ta’ Santa Marija. Naslu quddiem is-Santwarju xil-11.00am.
5.00pm: Rużarju meditat u kurunella.
5.30pm: Konċelebrazzjoni mmexxija mir-Reverendu Dun Kalċidon Vassallo, kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal-Balzan u ex-kappillan tal-parroċċa tagħna. Isir ukoll il-kant solenni tat-TE DEUM b’radd il-ħajr f’għeluq is-60 sena mill-Inkurunazzjoni tax-Xbieha tal-Madonna tal-Grazzja. Issir ukoll l-Antifona u tingħata l-Barka Sagramentali. Wara jsir il-ftuħ u t-tberik tal-pitturi tal-kupletta tal-Kappella tal-Madonna tal-Karmelu fis-Santwarju.
It-Tnejn 5 ta’ Settembru
Il-Magħmudija – Bidu ta’ Ħajja ta’ Grazzja
Fil-Magħmudija aħna ngħaddu mill-mewt għall-ħajja; mid-dnub għall-grazzja, billi jkollna sehem mill-Mewt u l-qawmien ta’ Ġesu` u b’hekk ngħixu għal dejjem. Marija kienet dik l-persuna li kienet preżenti sew taħt is-salib ta’ Kristu kif wkoll waqt il-ġrajja tal-qawmien tiegħu, għalhekk hi kienet l-ewwel waħda li ma’ binha għaddiet mill-mewt għall-ħajja. Kull mgħammed li jixtieq jgħix il-magħmudija tiegħu, għandu jfittex li jkun qrib ta’ Marija kif ukoll ta’ ħutu l-oħra fil-knisja.
6.00pm: Quddiesa preseduta mir-Reverendu Dun Manuel Schembri, saċerdot fil-parroċċa tagħna, li fiha jiġi amministrat is-sagrament tal-Magħmudija. Janimaw il-quddies bil-kant il-kor taż-żona ta’ Sant Andrija.
It-Tlieta 6 ta’ Settembru
L-Ewkaristija – Issostni l-Grazzja fl-Għaqda u fl-Imħabba
L-Ewkaristija hi ċ-ċentru tal-ħajja nisranija, għax tibni l-istess Knisja. L-Ewkarstija (Tqarbin) tqarribna lejn Alla u lejn l-oħrajn u allura tkabbarna fl-imħabba. L-Ewkaristija mhix biss dak li jiġri fil-quddiesa, imma għandha tkun il-ħajja tan-nisrani kollha kemm hi. Min jgħix l-Ewkaristija jkun lest li bħal Ġesu` jingħata totalment għall-oħrajn fl-imħabba.
6.00pm: Quddiesa preseduta minn Dun Faustin Ellul, saċerdot fil-parroċċa tagħna, li fiha xi tfal fil-parroċċa jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Janimaw il-quddies bil-kant il-grupp tal-kitarri tat-tfal li għandna fil-parroċċa (3Gs).
L-Erbgħa 7 ta’ Settembru
Il-Griżma ta’l-Isqof – L-Ispitu s-Santu jgħinna nkunu Xhieda
L-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli u fuq il-Knisja biex jagħtu xhieda ta’ Kristu fid-dinja u b’hekk jagħmlu dixxipli mill-ġnus. Marija kienet hemm ukoll u għalhekk għenet ukoll fil-missjoni tal-Knisja. Kull nisrani li jiġi midluk bil-Griżma jkun qed jieħu sehem f’din il-missjoni, li Ġesu` afda f’idejn id-dixxipli tiegħu. Għalhekk hu dmir ta’ kull nisrani li jkun xhud tal-fidi tiegħu billi fil-kliem u fl-għemil tiegħu jidher Ġesu` Kristu. Dan għandna nagħmluh ma’ Marija.
6.00pm: Quddiesa preseduta minn Reverendu Mons. Vinċenz Deguara. F’din il-quddiesa se jiġi amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-isqof lil numru ta’ adoloxxenti mill-parroċċa tagħna. Janimaw bil-kant il-grupp Kariżmatiku.
Il-Ħamis 8 ta’ Settembru – Festa ta’ Marija Bambina (il-Vitorja)
Iż-Żwieġ – l-Għotja tal-Ħajja twassal għall-Qdusija tal-Koppja
Bħalma Marija kienet preżenti fit-tieġ ta’ Kana, hekk wkoll tkun preżenti fost dawk il-koppji miżżewġa li jistednuha tibqa‘ viċin tagħhom. Marija preżenti fit-tieġ ta’ Kana kienet tfisser tkomplija tal-festa tat-tieġ, u b’Marija preżenti fost il-koppji miżżewġa tifsser tkomplija tal-ħajja tal-grazzja. Marija tgħin lill-koppji nsara biex ikomplu jingħataw fl-imħabba għal xulxin, anke fil-mumenti diffiċli; hi kellha diversi mumenti iebsin imma baqgħet tingħata fl-imħabba; għalhekk għandha ħafna x’tgħallem lil dawk li jgħixu f’dan l-istil ta’ ħajja.
9.00am: Quddiesa tal-Festa fil-kappella ta’ Marija Bambina.
4.30pm: Pellegrinaġġ tat-Trabi minn Pjazza Medjatriċi għas-Santwarju fejn issir il-preżentazzjoni tagħhom lill-Madonna tal-Grazzja.
6.00p.m: Quddiesa preseduta mir-Reverendu Dun Pawl Fenech, saċerdot fil-parroċċa tagħna, li fiha jiġi amministrat is-sagrament taż-żwieġ. Janimaw il-quddies bil-kant il-Kummissjoni Familja. Mistiedna wkoll dawk il-miżżewġin li qed jiċċelebraw il-25 jew il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, il-gruppi tal-Grufan kif ukoll miżżewġin ġodda u l-familji li ġew joqogħdu fil-parroċċa tagħna. Wara, il-miżżewġin li qed jiċċelebraw l-anniversarji tagħhom u l-koppji ġodda mistiedna jiltaqgħu ftit fis-sala. Il-Kummissjoni Familja tieħu ħsieb din l-attivita`.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru
Id-Dilka tal-Morda – Issaħħah lill-Marid u d-Dgħajjef
Il-Mard iġib miegħu mumenti diffiċli mhux biss fil-ħajja tal-marid imma wkoll f’dawk ta’ madwaru. Il-bniedem li jemmen, mhux talli ma jiddisprax quddiem din ir-realta`, imma jkun kapaċi jħares lejn it-tbatija bħala grazzja. Id-dilka tal-morda tgħin lill-marid jikber fil-ħajja tal-virtu` u tal-grazzja. Marija hi mara li taf xi tfisser tbatija, hi baqgħet wieqfa fil-grazzja meta kienet qed tbati u għalhekk tinkoraġġixxi lill-marid biex hu wkoll jibqa’ wieqaf fil-grazzja.
9.30am: Quddiesa għall-morda, anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali li jiġu minn diversi djar tal-anzjani u sptarijiet. Din il-quddiesa se titmexxa minn Patri Maurice Caruana MSSP, u fiha jiġi amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Wara mmorru fis-sala parrokkjali u jkollna mument flimkien: jieħdu ħsieb l-organizazzjoni ta’ dan in-nofs ta’ nhar l-Azzjoni Kattolika.
6.00pm: Quddiesa tal-Aħħar Salve, preseduta mir-Reverendu Dun Joe Galea, saċerdot fil-parroċċa tagħna, li għaliha jkunu preżenti l-morda u l-anzjani li jgħixu fil-parroċċa. F’din il-quddiesa wkoll jiġi amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Janima bil-kant il-Kor Parrokkjali. Mistiedna wkoll persuni li qed jaħdmu u jduru bil-morda u l-anzjani.
Is-Sibt 10 ta’ Settembru
Jum iż-Żabbarin – il-Knisja bħala Sagrament fid-Dinja
Is-Sagrament hu sinjal tal-preżenza ta’ Alla fost il-bnedmin – għalhekk li l-knisja għandha tkun sagrament, għax għandha tkun sinjal tal-Imħabba ta’ Alla fid-dinja tal-lum. Marija, Omm il-Knisja, dejjem ħarsitha minn dak kollu li seta’ jfixkilha milli jidher bħala sinjal ta’ din l-Imħabba ta’ Alla u llum ukoll Marija se tibqa’ tħares lill-Knisja minn kull tfixkil, biex il-bnedmin kollha jibqgħu iduqu din l-Imħabba ta’ Alla l-Imbierek.
8.00am: Konċelebrazzjoni ppreseduta mir-Reverendu Kappillan Dun Sebastjan Caruana. Kant Solenni tat-TE DEUM b’radd il-ħajr fi tmiem in-Novena li saret bi tħejjija għall-Festa tal-Madonna tal-Grazzja. Mistiedna speċjali l-emigranti li jinsabu fostna u dawk li jgħixu barra mill-Parroċċa tagħna.
10.15am: Il-Kappillan joħroġ fuq iz-zuntier ibierek liż-żewġ baned Żabbarin. Il-Baned idoqqu flimkien l-Ave Marija u Innijiet Marjani. Kull banda ddur lejn il-każin tagħha wara li ddoqq l-innu tal-banda tagħha.
11.00am: Jibdew il-marċi tradizzjonali minn ħdejn il-każini rispettivi taż-żewġ baned. Jidħlu fit-3.00pm.
5.00pm: Quddiesa li fiha jieħdu sehem iċ-ċiklisti li bi ħsiebhom jieħdu sehem fil-Pellegrinaġġ Roti u Muturi f’Jum il-Festa.
6.15pm: Translazzjoni Solenni tar-Relikwija mill-Kappella tal-Lunzjata għas-Santwarju li titmexxa mis-saċerdot novell Reverendu Dun Stephen Magro. Wara ċelebrazzjoni tal-Primi Vespri u ċelebrazzjoni Ewkaristika bis-sehem tal-Kor u l-Orkestra.
8.00pm: Quddiesa bis-sehem tal-erba’ komunitajiet Neo-Katekumenali tal-Parroċċa.
ll-Ħadd 11 ta’ Settembru
Jum il-Festa – Omm il-Grazzja ta’ Alla
Matul l-istorja tal-Knisja, Marija saret sinjal Ewlieni tal-Grazzja ta’ Alla. Ta’ Omm li hi kontinwament tfakkar lid-dixxipli ta’ binha biex jibqgħu jgħixu fil-grazzja ta’ Alla; jgħixu b’ħeġġa l-fidi tagħhom u jikbru
6.00am, 7.15am, 8.30am: Quddies tal-Festa
9.30a.m: Konċelebrazzjoni Solenni ppreseduta mill-E.T. Mons. Arċisqof Pawl Cremona, li jinseġ ukoll il-paniġierku tal-Festa. Wara Mons. Arċisqof iżur iż-żewġ każini tal-Baned tal-Parroċċa.
9.00am: Jitlaq il-Pellegrinaġġ tradizzjonali tar-roti mir-Rabat u tal-muturi mill-Mosta.
11.45am: Quddiesa tal-Festa
12.30pm: Jasal il-Pellegrinaġġ tar-Roti u Muturi ħdejn is-Santwarju.
5.00pm: Quddiesa tal-Festa
6.15pm: Ċelebrazzjoni Solenni tas-Sekondi Vespri. Imexxi s-saċerdot novell Reverendu Dun Stephen Magro.
7.00pm: Tibda ħierġa l-Purċissjoni bl-istatwa artistika tal-Madonna tal-Grazzja, li titmexxa wkoll mis-saċerdot novell Reverendu Dun Stephen Magro .
10.30pm: Tidħol il-Purċissjoni. Antifona u ċelebrazzjoni Ewkaristika, li bihom tasal fi tmiemha l-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, Patruna ta’ Ħaż-Żabbar.